Grupp ġdid ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità

L-aħwa ta’ persuni b’diżbilità se jkunu jistgħu jiltaqgħu taħt saqaf wieħed u jiddiskutu l-esperjenzi u d-diffikultajiet tagħhom fi gruppi ta’ sapport organizzati mill-Aġenzija Sapport.
Il-gruppi se jkunu mmexxija minn professjonisti fil-qasam tad-diżabilità, b’mod speċjali ħaddiema tal-istess Aġenzija.
Matul is-seba’ sessjonijiet se jiġu diskussi numru ta’ suġġetti relatati mad-diżabilità, u se jiġu mistiedna wkoll esperti f’dan il-qasam sabiex jitkellmu fuq suġġetti partikolari, bħal kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, aspetti legali, servizzi li jistgħu jaċċessaw għal ħuthom b’diżabilità, u affarijiet oħra.
Il-laqgħat se jsiru fiċ-ċentru ta’ taħriġ tal-Aġenzija Sapport f’Santa Venera, u huma miftuħin għall-aħwa li għandhom ’il fuq minn 18-il sena.
Jekk interessat tattendi, ċempel lill-Aġenzija Sapport fuq 22568000 jew idħol fuq is-sit tagħhom għal aktar informazzjoni.