Grupp fuq Facebook li jrid li Malta toħroġ mill-UE

Il-Kummissjoni Ewropea mhix kuntenta bin-nuqqas ta’ solidarjeta’ lejn Malta mill-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari.

Kif kien żvela Newsbook.com.mt, fil-25 ta’ Settembru li ġej, il-Kummissjoni Ewropea se torganizza forum bejn il-pajjiżi membri dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti.

Il-Kummissarju Ewropew, Cecilia Malmstrom reġgħet enfasizzat fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar koperazzjoni fost il-pajjiżi membri.

Fil-kummenti tagħha, Malmstrom qalet li ma jistgħux jibqgħu l-istess pajjiżi li jaċċettaw li joffru l-kenn lill-immigranti irregolari, b’referenza għal Malta, l-Italja u l-Greċja.

Matul dawn l-aħħar 6 snin, Malta irċeviet mill-Unjoni Ewropea madwar €85 miljun f’għajnuna diretta biex tegħleb l-isfida tal-immigrazzjoni.

Intant, fir-rigward ta’ din l-isfida, fuq Facebook tfaċċa grupp li qed jitlob li jsir referendum biex Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Bit-titlu ‘Malta out of the EU’, dan il-grupp qiegħed jistaqsi liema se jkun l-ewwel pajjiż Ewropew li se jesperjenza tibdil fil-poplu.

Dan il-grupp isostni wkoll li l-Maltin m’għandhomx is-sidien ta’ darhom u għalhekk jistaqsi jekk għadux lok li Malta tibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea.

Jirriżulta li dan il-grupp qed jiġbed l-attenzjoni u s’issa huma 566 dawk li għamlu ‘like’ fuq il-Facebook