Grupp folkloristiku Għawdxi fost 40,000 fil-Latvja

Il-grupp folkloristiku Għawdxi Aurora Folk Group, bħalissa jinsab il-Latvja wara li kien mistieden mill-Ministeru tal-Kultura tar-Repubblika tal-Latvja.  Il-grupp qed jieħu sehem fiċ- ċelebrazzjonijiet nazzjonali taċ-Ċentinarju mit-twaqqif tar-Repubblika tal-Latvja.

Il-Festival, li jittella’ kull ħames snin, hu avveniment li jinvolvi eluf ta’ parteċipanti. Din is-sena il-festival qed jiġi meqjus bħala l-akbar Folk Festival li qatt sar fid-dinja b’40,000 parteċipant minn madwar il-Latvja u xi pajjiżi oħra.

Il-grupp Għawdxi pparteċipa f’parata grandjuża tal-ftuħ tal-festival fil-belt kapitali Riga. Il-grupp, magħmul minn żeffiena nisa, irġiel u tfal, kif ukoll orkestra u kantanta, ipparteċipa ukoll f’kunċert ma gruppi folkloristiċi oħra li kienu mistidnin f’Vermanes Park fiċ-ċentru ta’ Riga.