GRTU tipproponi biex ir-residenti stess jirrapurtaw l-kontravenzjonijiet tat-traffiku onlajn

Il-GRTU qed tipproponi biex il-Gvern jintroduċi sistema fejn ir-residenti stess ikunu li jirrapurtaw il-kontravenzjonijiet tat-traffiku permezz ta’ ritratti fuq sit elettroniku.
Il-GRTU ressqet dawn is-suġġerimenti f’serje ta’ proposti dwar is-sistema tal-gwardjani lokali. Qalet li l-gwardjani m’għandhomx ikunu daqshekk riġidi meta l-persuna li se taqla ċ-ċitazzjoni tkun għamlet kontravenzjoni għall-ewwel darba.

Marcel Mizzi, f’isem il-GRTU qal li f’Malta mhux rispettat il-kunċett ta’ fast u slow lanes.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera qabel fuq il-bżonn li l-multi għal dawk li jagħmlu żball l-ewwel darba ikunu inqas ħorox minn ta’ dawk li jingħataw lil min ikun diġa’ ġie avżat. Semma’ kif f’Malta, il-gwardjani lokali ma jgawdux rispett daqs il-pulizija.
Sostna li skont ir-riforma li se ssir fil-gwardjani lokali, dawn se jkunu jistgħu jispeċċjalizzaw f’setturi differenti.