‘Grigalata’: Jittellgħu diversi dgħajjes mill-baħar

Għal għadd ta' dilettanti tal-baħar li għandhom id-dgħajjes tagħhom fil-Lvant ta' Malta wasal 'tmiem is-sajf', hekk kif bejn ilbieraħ u llum dehru jtellgħuhom mill-baħar.

Ta' kull sena, is-sajf ta' dawn id-dilettanti jiġi fi tmiemu mal-ewwel 'Grigalata', li skont diversi sidien tad-dgħajjes qiegħda magħna bħalissa.

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku, ir-riħ qawwi Forza 5 għal 6 mill-Grieg il-Lvant se jibqa' sa għada t-Tlieta.

L-istess uffiċċju jgħid li ma joħroġx twissijiet qabel ma r-riħ jilħaq Forza 7.

Madanakollu diversi sidien tad-dgħajjes fost l-oħrajn f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u Wied il-Għajn ma stennewx din it-twissija.

Oħrajn għażlu li jittantaw xortihom u ħallew id-dgħajsa tagħhom fil-baħar biex itawlu s-sajf tagħhom kemm jistgħu!