Ġrieħi f’daharha u għonqha waqt l-operazzjoni; tfittixhom għad-danni

Il-mara li lbieraħ daħlet tagħmel operazzjoni żgħira u spiċċat waqgħet minn fuq il-mejda tal-operazzjonijiet qed issofri minn ġrieħi f’għonqha u fix-xewka ta’ daharha. Hija flimkien mar-raġel tagħha ppreżentaw protest ġudizzjarju kontra l-awtoritajiet tal-isptar fejn qed iżżommuhom responsabbli li kien hemm negliġenza.

Aqra: Mara tweġġa’ f’sala tal-operazzjonijiet; tintalab inkjesta

Il-mara li għandha 58 sena daħlet l-isptar biex tagħmel operazzjoni żgħira f’subgħajha. Wara li tellgħet fis-sala, ir-raġel ġibed l-attenzjoni li l-mara ma kinitx qed tħoss saqajha. Kien hawn li l-mara sarulha xi testijiet u l-kirurgu informa lir-raġel li waqt l-operazzjoni l-mara waqgħet minn fuq il-mejda tal-operazzjonijiet.

Għall-ħabta tas-7pm il-koppja ġew infurmati li l-mara qed issofri minn ġrieħi f’għonqha u fix-xewka ta’ daharha għalhekk kellha ssirilha operazzjoni maġġuri. Wara l-operazzjoni r-raġel ġie infurmat li l-effett tal-ħsara u l-konsegwenzi tal-waqa’ jistgħu jkunu determinati wara li jgħaddi ftit taż-żmien. Il-mara kienet qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia ffirmaw dan il-protest ġudizzjarju.