Greta Thunberg lura l-iskola

REUTERS/Jeenah Moon

L-attivista favur l-ambjent Żvediża Greta Thunberg nhar it-Tnejn ħabbret li reġgħet lura l-iskola wara sena ta’ kampanji sabiex tkun ikkontrollata l-bidla fil-klima.

“Is-sena ‘l bogħod mill-iskola issa għaddiet u kuntenta ħafna li erġajt lura fil-klassi,” qalet it-tfajla ta’ 17-il sena fuq Twitter, messaġġ li kien akkumpanjat minn ritratt tagħha stess bil-basket tal-iskola u rikba r-rota.

Sal-ġimgħa l-oħra, Thunberg kienet ġewwa Berlin sabiex tiltaqa’ mal-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel. 

Thunberg ma qalitx f’liema belt jew skola se tkun qed tkompli bl-istudji tagħha.

Minn meta ntemmet l-aħħar sena skolastika tagħha f’Ġunju tal-2019, l-ivvjaġġar kontinwu taż-żagħżugħa madwar id-dinja fisser li kellha ssegwi l-lezzjonijiet tagħha b’mod remot.

Minflok ma baqgħet għaddejja bl-aħħar snin ta’ studju fl-iskola sekondarja tagħha, qasmet l-Atlantiku b’dgħajsa bil-qlugħ bit-tama li tqajjem kuxjenza dwar l-emissjonijiet tal-karbonju mill-ajruplani.

Id-destinazzjoni tagħha kellha tkun il-konferenza dwar il-klima COP25 tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-kapitali taċ-Ċili, Santiago.

Iżda l-avveniment mexa f’Madrid minħabba l-inkwiet fiċ-Ċili biex Thunberg spiċċat kellha tmur lura mill-Istati Uniti lejn l-Ewropa abbord katamaran ta’ koppja Awstraljana.

Fl-Istati Uniti, Thunberg ikkritikat lill-mexxejja tad-dinja ġewwa n-Nazzjonijiet Magħquda, iltaqgħet ma’ l-eks President Amerikan Barack Obama, ingħatat iċ-ċwievet għall-belt ta’ Montreal u vvjaġġat madwar il-kontinent permezz ta’ karozza tal-elettriku Tesla mislufa mill-eks-gvernatur ta’ Kalifornja u l-attur famuż Arnold Schwarzenegger.