GreenPak tilqa’ l-Iskema WEEE bħala l-aħjar soluzzjoni għall-kumpaniji obbligati

Oġġetti u apparat li jaqgħu taħt il-Waste Electrical & Electronic Equipment (WEEE) Compliance Scheme bħal komputers, settijiet tat-televiżjoni, fridges, u mowbajls se jkunu fost l-ikbar kategorija ta’ skart li se jikber fil-volum fl-UE. Fil-fatt hu mistenni li sas-sena 2020 il-volum ikun kiber għal iktar minn 12-il miljun elf kilo. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ apparat elettroniku modern juża’ riżorsi li huma skarsi u ta’ valur. Madwar 10 fil-mija tad-deheb kollu fid-dinja qed jintuża għall-produzzjoni ta’ apparat elettroniku.   
F’dan ir-rigward, il-GreenPak Cooperative Society qed tilqa’ l-introduzzjoni tal-iskema WEEE li tnediet f’Malta dan l-aħħar mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bdil fil-Klima Leo Brincat. Sa mill-bidu tagħha, GreenPak saħqet u stinkat biex tikkontribwixxi lejn ekonomija ċirkulari u titjib fl-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi, filwaqt  li kienet favur li titneħħa t-taxxa tal-eko-kontribuzzjoni.   
GreenPak, li hi l-uniku membru minn Malta li tagħmel parti mill-għaqda internazzjonali WEEE Forum, qalet li “t-tnedija tal-iskema WEEE li tħabbret dan l-aħħar hi pass importanti ħafna ’l quddiem. Fil-fatt, GreenPak diġà qed tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet u negozji li jbigħu apparat tal-elettriku jew elettroniku biex jissieħbu ma’ WEEE Compliance Scheme minn issa, u ma jħallux sad-data tal-għeluq tal-31 ta’ Awwissu 2015 biex jirreġistraw.”
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt