GRECO: “Il-Gvern istituzzjonalizza l-korruzzjoni” – NGO; “Il-Gvern trasparenti” – PL

L-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika qalet li l-Gvern Malti ħataf l-istituzzjonijiet u istituzzjonalizza l-korruzzjoni, filwaqt li l-Partit Laburista qal li l-Gvern dejjem kien trasparenti. Dawn kienu wħud mir-reazzjonijiet tar-rapport tal-Ħames Evalwazzjoni li ġie ppubblikat nhar l-Erbgħa li għadda.

Repubblika kkritikat lill-Gvern fi stqarrija, sigħat wara li l-Gvern awtorizza li jiġu ppubblikati l-iskoperti tal-Grupp ta’ Pajjiżi Kontra l-Korruzzjoni (GRECO) fi ħdan il-Kunsill għall-Ewropea. Dan assessja l-effettività tal-qafas kurrenti f’Malta li jipprevjeni l-korruzzjoni qalb nies bi rwoli eżekuttivi għoljin, jiġifieri ministri u uffiċjali oħra tal-Gvern, u anke l-Korp tal-Pulizija.

AQRA: Istituzzjonijiet tajbin fuq il-karta; imma effettivi? – GRECO

Fl-istqarrija tagħhom, Repubblika qalu li l-Gvern ta’ Muscat identifika l-lakuni kollha fis-sistemi legali u amministrattivi li wirtu, u sfruttawhom. L-NGO kompliet tgħid li d-dokument jiddeskrivi stat korrott u kważi ta’ mafja, li ma kienx jeżisti qabel ma ħa r-riedni Muscat. Qalet ukoll li r-rapport hu messaġġ ċar għall-Korp tal-Pulizija, l-impjegati tal-Avukat Ġenerali, ir-regolaturi, il-membri ġudizzjarji, il-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali, il-ġurnalisti, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili Maltija, flimkien mal-Oppożizzjoni, li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet u fihom żera’ l-korruzzjoni.

AQRA: Il-Gvern jawtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-GRECO

“Gvern li jaħdem bi trasparenza” – Partit Laburista

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Gvern ma kellux problema jawtorizza l-ippubblikar tar-rapport ta’ GRECO, u dan ifisser li l-Gvern hu trasparenti. GRECO kkummenta fuq in-nuqqas ta’ trasparenza u għamel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Maltin peress li sab li kien problematiku l-aċċess għall-informazzjoni f’Malta.

Ir-rapport ħareġ waqt plenarja li saret bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu, li l-gazzetti lokali kellhom kopja preliminari tiegħu qabel ma l-Gvern awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Il-Partit Laburista qal li l-Gvern aġixxa bi trasparenza meta ppermetta li ssir diskussjoni dwar ir-rapport fil-Parlament fl-istess jum li ġie ppubblikat. Dan wara talba mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Skont il-PL, dan jikkuntrasta mal-imġiba ta’ Delia li rrifjuta li jippubblika dokumenti li semma fl-aħħar ġranet.

Il-PL irrefera wkoll għar-riformi tal-Gvern, u qal li dawn se jsaħħu d-demokrazija u s-Saltna tad-Dritt f’Malta.

“Ir-rapport jikkundanna l-Gvern u juri li l-Oppożizzjoni għandha raġun” – PN

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista mbagħad, intqal li r-rapport huwa rapport ieħor li juri li l-PN għandu raġun. Dan għaliex is-sistema tidher li hi ineffettiva biex issib il-ħtija f’xi ħadd, u li s-sistema ġudizzjarja f’Malta qiegħda tirriskja paraliżi.

AQRA: L-esperti ta’ GRECO tawna raġun

Il-PN qal li l-Gvern żamm lil diversi istituzzjonijiet ostaġġi u dan ġie kkundannat minn diversi istituzzjonijiet. L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jimplimenta t-22 rakkomandazzjoni li saru fir-rapport GRECO immedjatament.

“Ħafna poter f’idejn il-politiċi jista’ jwassal għall-abbuż” – AD

Fir-reazzjoni tagħha, l-Alternattiva Demokratika qalet li kien ta’ serħan il-moħħ li GRECO ffoka fuq il-lakuni fis-sistema legali Maltija, li tħalli ħafna poter f’idejn il-politiċi, u dan iwassal għall-abbuż.

L-AD iffukat fuq paragrafu dwar is-Servizzi tas-Sigurtà li huma awtorizzati mill-Prim Ministru nnifsu jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, bil-possibbiltà li dan jisimgħu l-konverżazzjonijiet telefoniċi bejn in-nies. L-AD irreferiet ukoll għall-manifest tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 li fih hi pproponiet li l-istituzzjonijiet ikollhom ir-riżorsi adekwati biex iwettqu xogħolhom kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba.

Reazzjonijiet oħra

L-eks-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Franco Debono qal li Malta nbidlet f'”ġungla Muscatjana.”

Malta ssieħbet fi GRECO 20 sena ilu

Malta ssieħbet fi GRECO 20 sena ilu, u minn dak iż-żmien ‘l hawn, irċeviet 4 rapporti. F’kull rapport, GRECO rrakkomandat li l-pajjiż itejjeb l-istituzzjonijiet u l-istrutturi tiegħu ta’ kontra l-korruzzjoni.

Aqra l-artiklu sħiħ bl-Ingliż hawn.