Greċja: Tama li l-maratona laqgħat tal-lum ikunu pożittivi

L-UE laqgħet l-aħħar proposti tal-Greċja u ddeskriviethom bħala “bażi tajba għall-progress” hekk kif dalgħodu beda jum ta’ taħdidiet intensivi bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha.
Dalgħodu, laqgħa oħra mal-Bank Ċentrali Ewropew li l-Ġimgħa approva iktar self temporanju lill-Greċja, imbagħad waranofsinhar, laqgħa mal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi bil-munita ewro u llejla, summit straordinarju mal-mexxejja tal-pajjiżi kollha tal-UE.
Skont il-kap tal-uffiċċju tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, id-diskussjonijiet fi Brussell baqgħu għaddejjin tard bil-lejl wara li l-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, għadda l-aħħar proposti tal-Greċja.
Anke l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi, Pierre Moscovici, laqa’ dak li sejjaħ “ottimiżmu u rieda tajba” biex il-munita ewro ma tieħux daqqa.