Grech u Piscopo jinsistu ma’ Muscat biex ma jirriżenjax

Read in English.

Sorsi infurmati qrib il-Partit Laburista qalu lil Newsbook.com.mt, li minbarra Louis Grech, eks deputat Prim Ministru, hemm ukoll James Piscopo, eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u preżentement Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, li qed jinsisti mal-Prim Ministru biex ma jirriżenjax.

Is-sorsi tagħna qalulna li Grech u Piscopo għamlu ħin twil id-dar tal-Prim Ministru biex jibqa’ jżomm postu.

Il-pożizzjoni ta’ Grech u Piscopo hija differenti minn dik ta’ diversi Membri Parlamentari Laburisti inkluż Ministri li taw il-parir lill-Prim Ministru biex jirreżenja.

Dalgħodu Newsbook.com.mt staqsa lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jikkonferma jew le l-aħbar li waqt il-laqgħa tal-Kabinett tat-Tlieta kien hemm dawk li talbu lill-Prim Ministru jirreżenja.

Fearne ħarab milli jwieġeb għall-mistoqsija. Minflok wieġeb qal li jrid pajjiż seren.

Dalgħodu Newsbook.com.mt irrapporta b’mod esklussiv li Louis Grech kien qed jinsisti mal-Prim Ministru li ma jirriżenjax.