Read in English.
Il-Pulizija tad-Distrett fejn joqgħod Anton Cutajar, sid l-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi, li nbniet illegalment u ġiet sanzjonata mill-Awtorità tal-Ippjanar, se tieħu l-passi neċessarji fil-konfront tiegħu wara filmat li xerred ilbieraħ li fih qal li lest ineħħi lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina mill-pożizzjoni tagħha jekk tieħu azzjoni kontra ż-zoo tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jikkundanna l-aġir ta’ Anton Cutajar u jiddiżassoċja ruħu minnu.
Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola għamel rapport mal-Pulizija tat-Taqsima tas-Cybercrime fuq it-theddid u l-ibbuljar ta’ Alison Bezzina. Dalgħodu ħabbar li l-Pulizija infurmatu li saret preservazzjoni tal-filmat, u l-Pulizija tad-Distrett fejn joqgħod Cutajar ġiet avżata sabiex tieħu l-passi neċċessarji.
L-ADPD ukoll ikkundanna dan l-aġir. Fi stqarrija, Carmel Cacopardo qal li, “Anton Cutajar iħossu intitolat jhedded għax jgħid li huwa partitarju tal-Partit Laburista. Dawn huma t-tip ta’ nies li mdorrijin isibu politiċi jċedulhom u jħalluhom jagħmlu li jridu: u ġabu lil pajjiżna fl-istat miskin li qegħdin fih. Lil Alison Bezzina ħalluha taħdem!”
Min-naħa tagħha, Bezzina qalet li s-silenzju tagħha m’għandux jitqies bħala nuqqas ta’ azzjoni. Stqarret li l-ħarsien tal-annimali dejjem se jiġi l-ewwel.
F’filmat imxandar b’mod dirett ilbieraħ, Anton Cutajar wissa lill-Kummissarju Bezzina li jekk tibqa’ sejra kif inhi sejra, se jibgħat ittri lil min hu meħtieġ u jneħħiha mill-kariga tagħha.
Cutajar allega li l-kummenti tal-Kummissarju huma parti minn aġenda kontrih. Saħaq li aktar kemm jagħmlulu, hu aktar jissaħħaħ.
Fix-xandira tiegħu li damet nofs siegħa, huwa rreaġixxa għall-kummenti ta’ Bezzina meta din qalet li ż-zoos mhumiex “ideali,” u li l-pożizzjoni tagħha hi waħda: li l-annimali mhux posthom fil-gaġeġ.
Semmiet kif l-għadd ta’ zoos f’Malta żdiedu u li s-sitwazzjoni tirrikjedi li ż-zoos ikunu regolati kif suppost sabiex issir inqas ħsara lill-annimali.
Il-Kummissarju Bezzina għamlet il-kummenti tagħha wara li t-Tnejn, ingħalqet il-konsultazzjoni pubblika fuq ir-regoli l-ġodda proposti għaż-zoos. Il-Gvern mar lura mill-pjanijiet tiegħu li jipprojbixxi l-ippettjar tal-annimali.
Wara li ħassar il-flmat, Cutajar kiteb fuq Facebook li hu ċittadin “komuni u privat” li m’għandux uffiċċju pubbliku. Żied jgħid li f’pajjiż demokratiku għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, u li bl-ebda mod m’aġixxa b’mod vjolenti jew m’hedded lil ħaddieħor.
Qal ukoll li m’użax lingwa mhux xierqa u lanqas ma prova jbeżża’ lil xi ħadd. Argumenta li għandu dritt jikkritika lil “din il-persuna” li ġiet appuntata bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali “mingħajr ebda kwalifiki.”
“Iva possibbli m’hawn ħadd f’Malta kwalifikat li jista’ jokkupa din il-kariga?” staqsa Cutajar qabel ma żied jgħid li hu stess ġie mhedded.