​Great Ormond Street jirrifjuta li Charlie Gard jittieħed l-isptar tal-Papa

L-isptar f’Londra Great Ormond Street, fejn Charlie Gard qed jgħix l-aħħar jiem ta’ ħajtu, ċaħad it-talba biex it-tifel jittieħed l-isptar pedjatriku f’Ruma, Bambino Gesù, minħabba raġunijiet legali.
Il-President tal-isptar, imsejjaħ l-isptar tal-Papa, Mariella Enoc qalet li din kienet aħbar kerha.
Il-qrati ta’ Londra u tal-Ewropa ddeċiedew li t-tifel t’għaxar xhur għandu jitneħħa minn fuq il-magni u ma jitħalliex imur fid-dar tal-ġenituri.
Charlie Gard għandu kundizzjoni ġenetika rari. Il-ġenituri tiegħu tilfu bosta battalji legali bit-talba tagħhom li jtawwlu ħajjet binhom. Fost l-oħrajn talbu li joħduh l-Istati Uniti għat-trattament.
Nhar il-Ħadd, il-Papa Franġisku sejjaħ għar-rispett lejn ix-xewqa tal-ġenituri biex jakkumpanjaw u jieħdu ħsieb binhom sal-aħħar.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-jum li fih kienu skedati li jintfew il-magni ta’ Charlie, il-Papa uża Twitter biex iwassal messaġġ favur il-ħajja u favur it-tarbija.
Sadattant l-isptar Great Ormond Street qabel li jħalli l-magni ta’ Charlie mixgħula għal ftit jiem oħra biex il-ġenituri ikollhom ftit iktar żmien ma’ binhom.