Aġġornata: “X’qed tistennew? Li jiġri xi ħaġa?”

Miguela Xuereb

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li l-mara li kienet tgħix fid-dar li ġġarfet f’Tal-Pietà lbieraħ, aktar kmieni dakinhar kienet wissiet lill-ħaddiema biex iwaqqfu x-xogħol hekk kif kien qed iħalli impatt negattiv fuq id-dar tagħha.

Ġie spjegat kif il-mara niżlet twissi lill-ħaddiema għall-ħabta tat-3pm waranoshinar. Spjegat li wara li rrappurtat marru xi nies jaraw x’inhu jiġri u kien hemm li staqsiethom “X’qed tistennew? Li jiġri xi ħaġa?”

Skont Times of Malta, il-kuntrattur li deher fuq il-post dalgħodu ma riedx jikkumenta dwar dan il-każ.

Riskju li taqa’ parti oħra mill-bini

Il-Pulizija fuq il-post talbu lil dawk kollha preżenti sabiex jitbiegħdu miż-żona hekk kif hemm riskju li taqa’ parti oħra mill-bini. Fuq il-post għad hemm xi ftit kommossjoni hekk kif bosta nġemgħu sabiex jaraw il-frakass tal-bini fit-triq.

Skont sorsi, familja partikolari rnexxielha toħroġ mill-binja tagħha bil-kelb b’kollox ftit tas-sekondi qabel ma din iġġarrfet.

“Grazzja minn Alla li għadna ħajjin”

Waħda mir-residenti tad-dar li ġġarrfet ilbieraħ f’Tal Pietà sostniet ma’ raġel li jiffrekwenta ż-żona li hija grazzja minn Alla li baqgħu ħajjin. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15pm fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa. Fost it-tifrik hekk ukoll uffiċċju ta’ Transport Malta.

Josef Fitzpatrick kiteb fuq Facebook l-istorja li rrakkuntatlu l-mara dwar x’ġara ftit tal-minuti qabel ma d-dar u żewġ appartament oħra fiż-żona ġġarfu. Spjega kif waħda mir-residenti qaltlu li semgħet ħoss qawwi, u ftit wara semgħet ħoss ieħor. Qaltlu li f’salt sabet il-konsentura ma’ wiċċha.

Aqra: Aġġornata (2): Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Il-mara qalet kif immedjatament marret tinforma lill-ġirien tagħha u propju 10 minuti wara seħħ l-inċident.

Fitzpatrick sostna li dak li ra fit-triq li għal 35 sena kien jgħaddi minnha ta’ kuljum ixxukkjah. Sostna li tajjeb li wieħed japprezza x-xogħol tal-Pulizija, l-Protezzjoni Ċivili u l-ħaddiema tal-ambulanzi. Sostna li verament grazzja minn Alla li kulħadd ħareġ qawwi u sħiħ.