“Grazzi talli tissaporti d-difetti kollha tiegħi” – Janvil lil Nadine

It-tieġ ta' Ian (Janvil) u Nadine fl-1999

Il-preżentatur Ian J Vella magħruf bħala Janvil, illum qed jiċċelebra l-21 anniversarju mindu żżewweġ lil Nadine. Id-data kienet il-5 ta’ Diċembru tal-1999. Ian u Nadine huma l-ġenituri ta’ Craig, li ġieli rajnieh bħala atturi f’sensiliet televiżivi, kif ukoll il-kantanta Jade. Proprju din il-ġimgħa sar magħruf li Ian u Jade se jkunu mas-semifinalisti fil-festival Mużika Mużika bil-kanzunetta Binti.

F’okkażjoni tal-anniversarju taż-żwieġ Janvil, li llejla jkun qed jippreżenta l-programm The Entertainers fuq l-istazzjon Net, iddedika messaġġ lil martu fejn irringrazzjaha talli tissaporti d-difetti tiegħu u tiċċelebra l-kwalitajiet tajbin kollha tiegħu.

“L-imħabba tiegħek hija s-saħħa li tmexxini biex nagħmel kollox għall-familja tagħna,” żied jgħidilha filwaqt li ddikjara b’mod pubbliku mħabbitu lejha.

Nawguraw lil Ian u lil Nadine l-isbaħ xewqat għal aktar imħabba u rispett proprju f’dan il-jum u għal ħafna snin li ġejjien.