“Grazzi talli għamiltni persuna aħjar” – Andre lil Mary

L-attur Andre Penza llum qed jiċċelebra it-13-il anniversarju miż-żwieġ tiegħu ma’ Mary. Huwa ngħaqdu fi żwieġ bħal-lum is-7 ta’ Settembru tal-2007. Huma żżewġu fil-knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa filwaqt li r-riċeviment ġie ċċelebrat f’Villa Mdina fin-Naxxar.

Andre, li rajnieh f’sensiliet bħal Ħbieb u Għedewwa, Ħbieb u Għedewwa, Is-Salib tal-Fidda, Dejjem Tiegħek Becky, Ġiżelle, Ix-Xhud li Ma Deherx, Is-Siġill tal-Qrar, Emilja, Katrina, u D.R.E.A.M.S. kif ukoll Sorelle li se jkompli fuq TVM mit-Tnejn 28 ta’ Settembru, kien iltaqa’ ma’ Mary fil-Youth Centre ta’ Ħal Luqa, għalkemm kien diġà raha f’okkażjonijiet oħra u kien isellmilha b’dik it-tbissima partikolari tiegħu.

Wara bdew joħorġu flimkien u hu pproponilha waqt li kienu qegħdin fuq żjara fl-Ingilterra fil-belt fejn hi trabbiet.

Il-koppja Penza għandhom żewġ ulied, Aiden (12-il sena) u Amy (10 snin).

Għal dan l-anniversarju, Andre wassal messaġġ partikolari lil Mary permezz ta’ newsbook.com.mt: “Grazzi talli għamiltni persuna aħjar billi tissapportjani u tħobbni għal dak li jien.”

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Andre u lil Mary f’dan il-jum u għal aktar snin ta’ mħabba.