Tħabbret il-mewt ta’ Tommy Pilling fl-età ta’ 62 sena. Huwa u martu Maryanne kienu fiċ-ċentru ta’ kontroversja meta 25 ilu kienu żżewġu. Kienu fost l-ewwel koppji bid-Down Syndrome li żżewġu fir-Renju Unit.
Minkejja l-kundizzjoni tagħhom il-koppja kienet tat prova li kienu kapaċi jħobbu u jirrispettaw lil xulxin u jgħixu wkoll flimkien.
Pilling miet fl-1 ta’ Jannar isofri minn kumplikazzjonijiet f’saħħtu wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19.
F’messaġġ imtella’ minn Lindi Newman fuq il-paġna Facebook Tommy and Maryanne, hija sellmet il-memorja tiegħu u rringrazzjatu talli għamel lil oħtha mara kuntenta tul dawn is-snin kollha.
“Grazzi talli urejtni x’inhi l-imħabba bla kundizzjoni. Għal dejjem se niftakar il-modi sbieħ tiegħek, il-qalb pura tiegħek, l-imħabba tiegħek għall-mużika, għal Elvis u ż-żfin tiegħek,” kitbet hi waqt li faħħret l-attitudni pożittiva tiegħu u l-mod kif kien japprezza l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja.
Tommy u Maryanne ltaqgħu fl-1991 u sena u nofs wara Tommy ried li jipproponi lil Maryanne. Ma kellux flus u xtara ċurkett tal-plastik. Meta saret taf bl-intenzjonijiet tiegħu, omm Maryanne għenitu jixtri ċurkett lil bintha.
L-istorja ta’ Tommy u Maryanne bla dubju hi ta’ spirazzjoni għal kulħadd madwar id-dinja.
Strieħ fis-sliem!