“Grazzi talli dejjem iġġib lilna l-ewwel”

Awguri lill-kantanta Eve Daly li llum qed tiċċelebra għeluq is-67 sena tagħha. Twieldet bħal-lum id-19 ta’ Lulju tal-1953.

Fost l-ewwel messaġġi li wasslulha hekk kif qalbet il-ġurnata kien hemm dak ta’ Soleil Pitre, in-neputija tal-kantant li rringrazzjat lil nannitha ta’ dak kollu li tagħmel għaliha. Hija żiedet tgħidilha li dejjem kienet hemm għaliha kull meta kellhom bżonn u dejjem tpoġġi tbissima fuq wiċċhom.

“Ma nafx x’nagħmel mingħajrek,” qaltilha t-tfajla waqt li żiedet li l-familja tapprezza dak kollu li hija tagħmel għalihom għax dejjem iġġibhom il-bżonnijiet tagħhom l-ewwel.

Eve bdiet il-karriera tagħha mal-banda tal-iskola ta’ Santa Monica tal-Mosta. Kien Charles Thake li emmen fil-kapaċitajiet ta’ Eve wara li raha f’operetta li kienet ittellgħet fl-iskola tagħha. Wara bdiet tidher ukoll fuq it-televiżjoni fi programmi bħal Dawra Durella u Paġni Mżewqa.

Eve, li hija miżżewġa lil Roger Camilleri kienet tkanta wkoll fl-Ingilterra, fit-Tuneżija u fl-Awstralja. Fl-2010 ħadet sehem fit-tieni semi finali tal-Malta Song for Europe bil-kanzunetta The Best Years ma’ Godwon Lucas.

Flimkien ma’ Godwin Lucas kienet ukoll ħarġet is-CD An Evening with Eve Daly and Godwin Lucas.

Eve Daly ma’ Godwin Lucas, Rodrick Eddleston u Ivan Borg

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.