“Grazzi ta’ kull m’għamiltu għalija matul dawn l-40 sena” – Lynn

Awguri lill-kantanta Dr Lynn Chircop Faure li llum qed tiċċelebra għeluq l-40 sena tagħha. Twieldet bħal-lum l-10 ta’ Awwissu tal-1980. Għal din l-okkażjoni għażlet li tirringrazzja lill-ġenituri tagħha peremezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.

“Ma… Pa… inħobbkom! Grazzi ta’ kull m’għamiltu għalija matul dawn l-40 sena. Ma nista’ qatt inkun rikonoxxenti biżżejjed lejkom,” huwa l-messaġġ tagħha lil Philip u lil Carmen Chircop.

Lynn kienet rebħet il-Malta Song For Europe fl-2003 bil-kanzunetta To Dream Again u rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision li kien sar fil-Latvja.

Apparti li hija kantanta u pjanista, Lynn Chircop hija wkoll avukat. Lynn hija miżżewġa lil Antoine Faure u għandhom tifla, Lizzie Ann.

Nawguraw lil Lynn l-isbaħ xewqat f’dan il-jum speċjali.