“Grazzi ta’ kemm fhimtna” – Ella u l-ġenituri lill-Arċisqof

Il-familja ta’ Ella, it-tifla bl-awtiżmu li ma ngħatatx ċertifikat tal-preċett għax ma tqarbnitx, tinsab grata ferm għal dak li għamel magħhom l-Arċisqof Charles Scicluna.

Għall-kumment tal-Arċisqof fuq il-Facebook tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, it-tifla bil-profil tal-ġenituri tagħha ħalliet messaġġ għall-Arċisqof, li jgħid “Grazzi ta’ kollox, ta’ kemm fhimtna – Ella, Mum and dad”.

Dalgħodu l-Arċisqof kellu laqgħa mal-ġenituri ta’ Ella. Fil-filmat fuq Facebook, l-Arċisqof stqarr li seta’ japprezza l-interess tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom. Ħabbar li se jkun qed jiċċelebra l-Ewwel Tqarbina hu stess ma’ Ella u l-familja tagħha. Irrimarka li meta jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija flimkien se jagħmel minn kollox biex tirċievi l-ewkaristija bil-mod li huwa l-iżjed konvenjenti għaliha.

Meta ħarġu l-ewwel rapporti dwar il-każ, kelliem għall-Kurja kien qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Arċisqof ma kienx infurmat dwar il-każ. Kien iċċara li d-diżabilità ma timpedix individwu milli jirċievi l-Ewwel Tqarbina, tant li persuni b’diżabilità jirċievu l-Ewkaristija regolarment. Fisser li dawn jinkludu tfal bl-awtiżmu li jirċievu l-Ewkaristija wara l-preparazzjoni meħtieġa.