“Grazzi ta’ dak kollu li ta’ kuljum tagħmel għalija” – Paul lil Fleur

Fleur Balzan, il-preżentatriċi tal-programm Wheelspin, illum qed tiċċelebra għeluq il-50 sena tagħha. Twieldet bħal-lum, it-12 ta’ Lulju tal-1970. Fost l-ewwel awgurji li rċeviet dalgħodu kien hemm dak tas-sieħeb tagħha, il-kantant u mużiċist Paul Giordimaina.

“Grazzi ta’ dak li tagħmel ta’ kuljum għalija u miegħi,” kitbilha hu filwaqt li awguralha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.

Ritratt: Facebook/PaulGiordimaina

Imwielda r-Rabat, Fleur hi l-iżgħar fost l-erba’ wlied ta’ Alfred u Mary nèe Grima. Qabdilha hemm Amadeo, Odette (Miss Malta 1983) u Barbara.

Apparti li narawha tippreżenta l-programm Wheelspin, Fleur hija wkoll midħla tax-xena mużikali u sa mill-1995 ilha tikkomponi l-kanzunetti. Kien Joe Tanti li laqqagħha ma’ Paul Giordimaina u r-relazzjoni ta’ dawn it-tnejn żviluppat minn dik fil-mużika għal waħda li llum jaqsmu ħajjiethom flimkien.

L-ewwel kompożizzjonijiet tagħha għal Paul kienu From Now On, Someway, Somehow u From the Side of the Rainbow, li ġew inklużi wkoll fis-CD From Now On li Paul kien ħareġ.

Ħadmet fuq ħafna kanzunetti oħra u pparteċipat f’diversi festivals bħala awtriċi. L-ewwel kanzunetta tagħha bil-Malti kienet Kliem li biha kklassifikat fit-tieni post tal-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Apparti kanzunetti għal Paul Giordimaina, Fleur kitbet ukoll għal Amebr, Corazon, Olivia Lewis, Eleanor, Pamela Bezzina, Glen Vella, Fiona Cauchi, Nadine Axisa u Mike Spiteri fost oħrajn.

Il-ktiba qegħda fid-demm ta’ Fleur, tant li l-kitbiet tagħha huma miġbura f’żewġ antoloġiji, Awaken to a Dream, u Till The End of Forever.

Għal bosta snin, Fleur kienet ukoll ġurnalista sportiva mal-PBS.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.