Awdjo: “Grazzi speċjali lill-poplu straordinarju tagħna” – Dr Lawrence Gonzi

L-eks Prim Ministru u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi għadu kif temm l-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament, fejn ċeda wkoll is-siġġu tiegħu bħala deputat elett fit-tieni u fis-seba’ distrett.

Dr Gonzi beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja minn qalbu lil dawk kollha li ħadmu miegħu u li tawh il-fiduċja tagħhom biex seta’ jerfa’ l-piż tqil li jiġi ma’ kull kariga.

Irrefera b’mod partikolari għal dawk li ħadmu viċin tiegħu fl-ewwel jiem u ġimgħat straordinarji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fil-preparazzjonijiet intensivi għad-dħul tal-ewro, fil-mumenti ta’ tensjoni kbira waqt il-kriżi finanzjarja internazzjonali fl-2008 u fl-2009, waqt il-kriżi tal-Libja kif ukoll waqt in-negozjati mal-Unjoni Ewropea matul is-snin.

Dr Gonzi qal li jixtieq jgħid grazzi speċjali lill-poplu straordinarju f’Malta.

Lawrence Gonzi saħaq li mix-xejn f’Malta nħoloq livell ta’ ħajja li jikkompeti tajjeb ma’ pajjiżi li għandhom aktar riżorsi, li wasslu biex inħolqot xibka soċjali b’saħħitha, ekonomija vibranti, flessibbli u preparata għall-isfidi tal-ġejjieni.

Dwar il-fatt li kienu ħafna dawk li talbuh biex ma jieħux dan il-pass u jibqa’ għall-bqija tal-leġiżlatura, Dr Gonzi qal li kieku għamel hekk, kien ikun qed imur kontra dak li jemmen fih. Żied jgħid li s-siġġu huwa tal-poplu u għalhekk id-dover tiegħu huwa li jroddu lura biex jokkupah xi ħadd li jista’ jagħti l-enerġija kollha tiegħu lill-elettorat Malti.

Huwa talab lill-poplu Malti biex jaħfirlu jekk qatt naqsu u saħaq li għamel ħiltu biex jagħti l-aħjar lill-pajjiż u lill-poplu li tant iħobb. Sostna li jaf li għamel żbalji, li minnhom tgħallem lezzjonijiet kbar u li żgur li se jibqa’ jgħożż għall-bqija ta’ ħajtu.

Dr Gonzi qal li matul il-25 sena tiegħu fil-politika ra bidliet kbar iseħħu f’Malta fosthom l-ekonomija li nblidet mill-qiegħ, fabbriki ġodda, it-twelid tas-servizzi li llum jimpjegaw l-eluf, bini ta’ skejjel ġodda, tkabbir tal-Università u l-MCAST, bini ta’ sptar ġenerali ġdid u investimenti oħra.

Irrefera wkoll għall-isfida tal-immigrazzjoni irregolari fejn qal li l-kobor tal-problema m’ghandu qatt inessi li qed nitrattaw ma’ persuni umani.  Żied jgħid li l-kitbiet u l-espressjonijiet razzisti li qara u sema’ fl-aħħar ġranet mhux biss nisslulu swied ta’ qalb, iżda urewh li fil-pajjiż hawn min mhux jirrealizza t-traġedja umana li qed isseħħ fl-ibħra tal-madwar.

Huwa temm id-diskors tiegħu bi tliet ħsibijiet – li l-politika hija sabiħa, tikber u tissaħħaħ meta tkun kapaċi ġġib flimkien ħafna vuċijiet, li l-poter huwa biss għodda u mhux għan fih innifsu, kif ukoll li l-politika mhix kollox.

Fuq dan il-punt huwa qal li fl-aħħar ġimgħat li m’għadux kap tal-partit nazzjonalista qed jiskopri mill-ġdid is-sabiħ li kien nesa – li jmur jimxi mal-mara u n-neputijiet, li ma jibqax għaddej minn kmieni filgħodu sa bil-lejl, u li japprezza il-ġmiel ta’ Malta u Għawdex.

F’isem martu Kate u l-bqija tal-familja, Dr Gonzi rringrazzja u awgura lill-membri tal-kamra jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż, għax il-futur tal-poplu hu f’idejhom. Huwa awguralhom li jkollhom sodisfazzjon fix-xogħol u fis-sagrifċċji li jagħmlu biex iħallu l-pajjiż isbaħ milli sabuh.

Qal li l-Gvern iġorr fuq spalltu l-akbar piż u jrid jiddedika l-ħin kollu tiegħu biex jiżgura livelli dejjem ogħla fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fis-servizzi soċjali, kif jixraqlu l-poplu.

Dr Lawrence Gonzi kien ilu membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti għal kważi 25 sena, fejn serva diversi karigi – Speaker, Prim Ministru, Viċi Prim Ministru u Kap tal-Kamra u Kap tal-Oppożizzjoni. 

Aqra d-diskors sħiħ ta' Dr Lawrence Gonzi hawnhekk.