Grazzi Rebecca!

Rebecca Zammit Lupi
Facebook

Il-mewt ta’ Rebecca Zammit Lupi, it-tfajla ta’ 15-il sena li tilfet il-battalja tagħha kontra l-kanċer, wasslet biex bosta jkunu dawk li jsellmu l-memorja tagħha fosthom Fr Mario Attard, li ddedikalha poeżija li ġiet mxerda wkoll fuq il-paġna Facebook ta’ Puttinu Cares.

Ġmiel ta’ poeżija li qed inwasslu wkoll minn fuq dan is-sit:

Grazzi Rebecca!

Grazzi hi l-kelma

kif niftakar fik,

Grazzi hi l-karba

Ta’ qalbi għalik.

X’tagħlimiet tajtni

Fi żmienek fl-isptar!

Kemm barkiet bgħattli

billejl u bin-nhar!

Is-skiet qalbieni

li jiddistingwik,

qalbek tant kbira

għerfek li jmexxik.

Għallimtni ħaġa

Li t-tajjeb jidher,

Anki jekk sieket

Tassew li jikber!

Għallimtni l-ħlewwa

s-smiegħ u r-rispett,

għallimtni nitlob

bl-imħabba fuq nett!

Għallimtni niżfen

Żifnet il-ħajja,

Għallimtni nibqa’

inħobb f’kull ġrajja.

Għallimtni nagħraf

Li ż-żmien hu rigal,

Għallimitni nħejji

Għar-riħ fil-grigal.

Rebecca suldat

Mhux biss tal-bnazzi,

Għall-kuraġġ tiegħek

Jien ngħidlek GRAZZI!

It-tfajla, bint il-fotografu Darin Zammit Lupi, se tingħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa 6 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan. Il-quddiesa tal-funeral se ssir fid-9am u se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Iċ-ċerimonja se titwassal b’mod dirett fuq newsbook.com.mt