“Grazzi Mulej li selliftni sena oħra” – Maria Muscat

Awguri lix-xandara Maria Muscat, magħrufa wkoll fix-xena mużikali bħala La Barokka. Marija llum qed tiċċelebra għeluq it-43 sena tagħha. Twieldet bħal-lum id-19 ta’ Awwissu tal-1977.

“Grazzi Mulej li selliftni sena oħra u nitlob li nibqa’ soda u b”saħħti u nkun hemm għal uliedi u li nagħmel il-ġid. Amen. Mulej berikna. Amen,” kitbet hi fuq il-paġna tagħha fuq Facebook.

Maria kienet bdiet tistudja l-kant liriku fil-Johann Strauss School of Music u kienet tipprattika l-kant mas-sopran Maltija Jacqueline Micallef Grimaud. L-ewwel darba li Maria kienet dehret bħala kantanta kien fil-musicals tal-Iljieli Mediterranji f’karattri prinċipali f’Alibaba, Inez Farruġ u f’Ġaħan.

Fl-1996 ħadet sehem fil-festival Kliem u Mużika mtella’ mill-PBS. Il-kanunetta li ħadet sehem biha, Demgħa Moħbija kienet ta’ Oliver Friggieri u Mark Spiteri Lucas. Fis-sena ta’ wara il-kanzunetta kienet nominata fil-Music Awards.

Fil-karriera tagħha bħala ġurnalista, Maria kienet taħdem ukoll ma’ Xarabank kif ukoll mal-ġurnal Il-Ġens u l-istazzjon RTK. Illum taħdem bħala ġurnalista mal-PBS. Fost il-programmi li hija ppreżentat fuq TVM insibu Umani li xxandar b’suċċess f’dawn l-aħħar sentejn.

Maria hija omm ta’ tnejn Alicia u Aaliyah.

Nawguraw lil Maria l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.