“Grazzi lill-patrijiet Kapuċċini għal 120 sena ta’ ħidma” – id-deputat Mario Galea

Fl-Aġġornament fis-seduta Parlamentari tal-lejla, id-deputat Nazzjonalista Mario Galea sellem lill-komunità Franġiskana f’Malta, b’mod partikolari lil dawk il-membri tagħha li kienu qed jagħtu servizz fi ħdan ir-residenza tal-Gvern għall-anzjani San Vinċenz de Paule.
 
Mario Galea qal li l-ħidma tal-patrijiet Kapuċċini f’din ir-residenza għall-anzjani ġiet fi tmiemha wara 120 sena. Minflokhom issa hemm ħames saċerdoti.
 
Id-deputat Nazzjonalista sellem lill-patrijiet li fis-skiet iddedikaw lilhom infushom b’riżq l-anzjani f’din id-dar, u rringrazzjahom tax-xogħol kollu li kienu jagħmlu nkluż bil-lejl u fi ġranet ta’ festi pubbliċi. B’mod partikolari hu rringrazzja lill-Kappillan Fr Alfred Scerri u lill-patrijiet li ħadmu f’San Vinċenz fiż-żmien li hu kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani.