Grazzi lil min jgħin lill-omm issib id-dinjità – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-awtoritajiet u lill-ħaddiema li jgħinu lill-ommijiet isibu d-dinjità tagħhom.

Dan qalu f’messaġġ fis-6 ta’ Marzu meta inawgura l-wirja ‘The Voice of Survivors Through Art’ b’xogħlijiet li saru min-nisa u tfal residenti fid-Dar Qalb ta’ Ġesù. Din id-dar hi second stage shelter ta’ Fondazzjoni Sebħ fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-wirja hi riżultat ta’ workshop, immexxi mit-terapista tal-arti Jeannette Fiott, bħala parti mill-proċess ta’ fejqan għar-residenti fix-xelter. Il-wirja tintemm illum fid-9pm.

“Meta taħseb f’kemm iltaqa’ ma’ nisa Ġesù, almenu skont ir-rakkonti tal-Evanġelji, tirrealizza wkoll li ltaqa’ ma’ ħafna nisa li kellhom passat u anke preżent ikkumplikat: mis-samaritana, Marija Madalena, dik il-mara li nqabdet fil-fatt għalkemm m’għandhiex isem, aħna nsejħulha b’dak li ġiet akkużata, l-adultera, u l-Mulej lil dawn in-nisa reġa’ tahom dinjità,” qal Mons. Scicluna.

“Aħna qed inkomplu l-atteġġjament tiegħu u x-xogħol tiegħu mhux weħidna. Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-awtoritajiet, lill-istaff tas-sapport tagħhom anke għaliex meta omm terġa’ ssib id-dinjità tagħha, terġa’ ssib ambjent, tgħix fejn tista’ tkompli l-ħajja tagħha u trabbi wkoll lil uliedha, inkunu qegħdin nagħmlu wieħed mill-aqwa investimenti għall-konvivenza ċivili tagħna. Ħafna kumplikazzjonijiet anke fiż-żgħażagħ, kif nafu, jikbru meta t-trobbija tagħhom ma ssirx f’ambjent li huwa san, huwa sigur,” qal Mons. Scicluna.

Irringrazzja lill-Fondazzjoni Sebħ li għażlet l-arti biex fihom wieħed jaħseb fid-dinjita tal-mara.