“Grazzi lil Howard għal din l-opportunità” – Francesca

Żgur li min isegwi X Factor jaf bil-kontroversja li nqalgħet meta l-Għawdxija Francesca Borg ġiet eliminata mill-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta. Kien hemm min ukoll beda petizzjoni biex Borg terġa’ tiddaħħal lura fil-programm.

Howard Keith Debono, wieħed mill-ġurija, xejn ma qabel mad-deċiżjoni ta’ Alexandra Alden u issa li Francesca spiċċat barra minn X Factor, Howard qed jieħu interess fil-karriera ta’ Borg.

Waqt l-attività tal-aħħar tas-sena li ttellgħet Għawdex kemm Francesca kif ukoll Michela Pace, ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta kienu mistiedna jkantaw b’mod individwali, iżda mbagħad ingħaqdu għal dwett qabel ma’ fl-aħħar ħin bdew il-countdown flimkien mal-Ministru Justyne Caruana.

Jidher ċar li għal Francesca li għalkemm il-vjaġġ tagħha f’ X Factor spiċċa, din is-sena se tkun waħda mill-aktar interessanti fil-karriera tagħha.

Francesca ilha tkanta u kienet ħadet sehem fl-2012 fil-Malta Eurovision u f’diversi konkorsi oħra, iżda f’dawn l-aħħar snin waqfet tkanta u kien permezz ta’ X Factor li nistgħu ngħidu li rritornat bil-kbir!