“Grazzi li dejjem sibtek ta’ inkoraggiment biex inferraħ lill-ħaddieħor” – Joe lil Mary

L-attur Joe Borg u martu Mary fil-jum tat-tieġ tagħhom fis-7 ta' Settembru tal-1971.

Awguri lill-attur Joe Borg u martu Mary nèe Attard ll llum qed jiċċelebraw 49 sena mindu wegħdu mħabbithom lil xulxin. Huma żżewġu bħal-lum is-7 ta’ Settembru tal-1971.

Joe u Mary kienu ltaqgħu flimkien meta kienu jaħdmu ma’ Mizzi Limited. Kienu żżewwġihom l-arċipriet ta’ dak iż-żmien Mons Bartilmew Bezzina. Il-koppja Borg għexu dejjem fil-Mosta u għandhom żewġ ulied. Cynthia, il-kbira, hija għarusa lill-attur Kurt Gatt filwaqt li ż-żgħira, Alison, attriċi wkoll, hija miżżewġa lil Duncan. Iż-żewġ uliedhom huma għalliema fi skejjel differenti.

Permezz ta’ newsbook.com.mt l-attur Joe Borg wassal dan il-messaġġ lil martu f’okkażjoni tal-anniversarju tagħhom: “Grazzi ħafna Mary li dejjem sibtek t’inkoraġġiment biex bit-talenti tiegħi nferraħ lil ħaddiehor.”

Huwa ddeskriva lil martu bħala omm kwieta, paċifista mill-kbar u mara b’qalb kbira, maħbuba minn kulħadd.

“Grazzi ħafna ta’ kemm ħadt paċenzja bija,” temm jgħid hu fil-messaġġ tiegħu.

Il-karriera artistika ta’ Joe Borg bdiet aktar minn 55 sena ilu b’xogħol fit-teatru u t-televiżjoni. Tista’ tgħid li tul is-snin ħadem ma’ għadd ta’ gruppi teatrali u ħadem ma’ wħud mill-aqwa kumpaniji ta’ produzzjoni.

Huwa wkoll wiċċ familjari fuq it-televiżjoni u ħa sehem f’għadd ta’ sensiliet li kisbu suċċess fosthom F’Baħar Wieħed, Ingroppi, Pupi, Iż-Żagħka, Is-Siġill tal-Qrar, Qegħdin Sew, Nies Bħalna, Riħ Isfel, Villa Sunset u Deja Vù.

Joe u Mary Borg

Nawguraw lill-koppja Borg l-isbaħ xewqat f’dan il-jum u għal aktar snin ta’ mħabba u rispett.