“‘Grazzi’ – il-kelma li qatt ma ddejjaq jgħid Fr Lino”

Jingħata l-aħħar tislima l-Ġiżwita Fr Lino Cardona

Grazzi kienet il-kelma li Fr Lino Cardona kien inissel ħafna drabi għax kien bniedem li jaf japprezza lil kulħadd u kollox. Hekk ġie deskritt Fr Lino fl-Omelija tal-quddiesa li fiha ngħata l-aħħar tislima.

Il-funeral tiegħu kien illum fl-10.30am fil-Knisja Arċipretali tan-Naxxar. L-omelija għal din iċ-ċelebrazzjoni saret minn Fr Michael Bugeja SJ li ilu jaf lil Fr Lino minn mindu kellu sitta jew seba’ snin għax kien ħabib ta’ missieru.

Fl-Omelija tiegħu Fr Michel spjega li Fr Lino qatt ma kellu diffikultà biex jirringrazzja lil dawk kollha li miss magħhom, għamlulu xi pjaċir, għenuh jew qalulu xi kelma li għamlitlu kuraġġ. Żied li huwa kien bniedem li japprezza lil kulħadd u kollox u din se tkun il-memorja li se jibqa’ jgħożż f’qalbu.

Fr Lino kien ilu jgħallem fil-Kulleġġ San Alwiġi għal aktar minn tletin sena u bosta kienu dawk li ħadu l-edukazzjoni tagħhom minn taħt idejh. Fr Michael tkellem dwar dan u qal li aktar milli għalliem kien edukatur għax eduka lin-nies fuq ħafna livelli. Semma li bosta studenti lbieraħ irringrazzjawh ta’ dak kollu li għamel magħhom. Kollha jgħidu li kien bniedem ta’ ħajja, bniedem li jaf jakkumpanja lill-ieħor, bniedem mogħti għall-oħrajn u bniedem li tista’ ssejjaħlu ħabib.

Fr Michael fakkar il-kwalitajiet ta’ Fr Lino fost oħrajn li ma kienx bniedem li dak li jagħmel jagħmlu b’ħafna trijonfaliżmu iżda kien joqgħod fil-kwiet mal-batut kif għamel ukoll f’dawn is-snin kollha fid-Dar tal-Providenza.

Huwa spjega li l-Vanġelu magħżul għal din iċ-ċelebrazzjoni huwa Vanġelu ta’ ħbiberija li kif il-ħbieb ta’ Ġesù, Marta u Marija tilfu lil ħuhom u lil Ġesù qalulu li “kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” U Ġesu spjega lil Marta “Int temmen li għad imut għall-ħajja ta’ dejjem?” “Iva nemmen.” Żied li Fr Lino illum qiegħed iġawdi il-premju li tant stinka għalih u dejjem għaraf li jagħti dik il-kelma ta’ tama.

Fr Michael tkellem fuq il-kawża tal-mewt ta’ Fr Lino u qal li forsi wieħed jgħid li miet għax ħakmitu l-Covid-19 u wieħed jistaqsi kif miet daqshekk malajr u għaliex. Huwa żied li din il-mewta għalih hija sinjifikattiva għax Fr Lino kien mogħti għall-oħrajn u mal-oħrajn. Huwa appella biex kulħadd jieħu ħsieb xulxin u joqgħod attent.

Fr Lino Cardona miet ilbieraħ fl-isptar Mater Dei. Huwa kien jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva wara li ġie pożittiv għall-Covid-19 fis-26 t’Ottubru.