“Grazzi Caritas talli 4 snin ilu ftaħtu l-bibien beraħ biex tgħinu lil ibni” – omm Fabrizio

Hekk kif illum għaddejja l-maratona biex jinġabru fondi għall-Caritas, fost dawk li qed jitkellmu pubblikament b’ringrazzjament dirett lejn din il-fondazzjoni kien hemm Anna Faniello li rajna bħala parteċipanta fil-programm X Factor Malta.

“Grazzi Caritas talli 4 snin ilu ftaħtu l-bibien beraħ biex tgħinu lil ibni. Erġajtu tajtuna l-ħajja. Grazzi,” kitbet l-omm fuq il-paġna tagħha fuq Facebook.

L-istorja ta’ Fabrizio mhux xi sigriet u huwa tkellem kemm il-darba fuq kif irnexxielu jegħleb il-vizzju tad-droga bil-għajnuna tal-Caritas. Saħansitra kien ukoll ħareġ il-kanzunetta Fit-Tarf tat-Triq.

Fabrizio wkoll qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex illum jagħtu l-għajnuna lill-Caritas Malta biex tkun tista’ tgħin aktar persuni li jispiċċaw vittmi tad-droga. Hu qed jagħmel dan permezz ta’ messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.

Oħt Fabrizio, il-kantanta Claudia Faniello, ukoll irringrazzjat lil Caritas Malta u dawk kollha involuti fl-impenn sabiex jagħtu sostenn ħolistiku lil dawk kollha li jirrikorru għal ħafna servizzi li joffru.

“B’mod speċjali grazzi lilek Fab, grazzi talli tajtni lil ħija l-kbir lura. Fil-fond ta’ qalbi kont naf li ma tlifnikx għal kollox anki jekk kien hemm is-sofferenza u t-tama kienet diffiċli biex insibha,” kompliet tikteb hi waqt li kkummentat li fit-tlajja u l-inżul huma maqgħudin mhx biss quddiemu imma anke warajh.

“Grata li jien oħtok, kburija bik u b’dak kollu li sawrek,” żiedet tgħid hi fil-kitba tagħha.

Grazzi Caritas Malta u dawk kollha involuti fl-impenn sabiex jaghtu sostenn holistiku lil dawk kollha li jirrikorru ghal…

Posted by Claudia Faniello on Saturday, November 14, 2020

Għamel id-donazzjoni tiegħek

Il-maratona bdiet f’nofsinhar u tibqa’ għaddejja sa nofsillejl. Jekk tixtieq tagħmel id-donazzjoni tiegħek, tista tuża’ dawn in-numri:

  • 51002035 – €20
  • 51902089 – €50
  • 21331000 – Pledge Line
  • 21237935 – Help Line