​Graziella Galea tirriżenja minn Sindku

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea għadha kif irreżenjat mill-kariga tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar ir-riżenja tagħha fi stqarrija. Qal li Galea kienet ġiet eletta b’mod demokratiku bl-akbar numru ta’ voti fil-lokalità ta’ San Pawl. Il-PN stqarr li Galea se tibqa’ kunsiller f’isem il-PN.
Fl-ittra tagħha Galea qalet li qed tagħmel dan il-pass kontra qalba biex “ir-residenti ma jibqħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter ta’ xi wħud li ma aċċettawx  ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali” li bih ġiet eletta Sindku.
Galea sostniet li bħala Sindku dejjem poġġiet lir-residenti bħala l-ewwel prijorità.
Fl-ittra tagħha, Galea allegat li kien hemm “numru ta’ kunsilliera li mill-bidu nett qatt ma taw każ l-interessi tar-residenti”. Qalet ukoll li fl-aħħar xhur il-Kunsill Lokali ma tħalliex jiffunzjona kif suppost.
Minkejja r-riżenja tagħha, Galea qalet li tħoss li l-PN għandu jibqa’ jmexxi lil-lokalità.
Fl-ittra, Galea stqarret li l-Kunsill beda l-ħidma b’dejn ta’ madwar €500,000 minn wara t-tmexxija tal-Partit Laburista fil-lokalità. Qalet li fl-aħħar snin, id-dejn inbidel f’surplus li ntuża għal diversi proġetti.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Kunsilliera tal-Partit Laburista f’San Pawl il-Baħar u żewġ Kunsilliera Indipendenti ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista Graziella Galea.
Riċentament David Thake rriżenja mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar minħabba dak li jaħseb dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia.
Warajh irriżenja Robert Piscopo għax skontu l-kunsill inħataf minn persuna waħda bil-barka ta’ Delia
Joseph Vella, irriżenja mill-kunsill biex issa sar kunsillier indipendenti, hekk kif il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar tilef il-maġġoranza Nazzjonalista.
Gelea illum qalet li minħabba r-riżenja tagħha, il-mozzjoni ta’ sfiduċja għandha tiġi kkunsidrata nulla u li m’għandiex tissejjaħ il-laqgħa.