Graziella Castillo magħżula bħala direttur ġdid tal-Aġenzija Appoġġ

Read in English.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, ħabbret li Graziella Castillo ġiet magħżula bħala d-Direttur l-ġdid tal-Aġenzija Appoġġ. B’hekk Castillo se tieħu post is- Remenda Grech li issa se tikkonċentra l-ħidma tagħha fuq Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħżagħ). Il-ħatra tagħha saret effettiva mill-1 ta’ Jannar, 2021.

Fi stqarrija il-Fondazzjoni qalet li l-għażla ta’ Graziella Castillo saret wara sejħa għall-applikazzjonijiet u proċess tal-għażla li tmexxa minn kumpanija esterna b’ esperjenza fil-qasam tar-reklutaġġ strateġiku fis-settur privat.

Graziella Castillo bdiet taħdem ġewwa l-Aġenzija Appoġġ hekk kif iggradwat mill-Università ta’ Malta fl-2000 bħala social worker. Hi, bħalissa qegħda fl-aħħar sena fil-kors tal-Masters fil- Youth and Community Studies ġewwa l-Universita` ta Malta.

Matul dawn l-20 sena hi ħadmet f’diversi servizzi tal-Aġenzija Appoġġ, fejn matul l-aħħar sena serviet ukoll bħala l-Assistent Direttur waqt il-fażi delikata tat-transizzjoni ta’ servizzi li issa jaqgħu taħt id-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħżagħ).

Hija kienet wkoll responsabbli minn servizzi nazzjonali bħalma huma l-linji 179 u 1772, kif ukoll l-inizjattivi nazzjonali għal internet aktar sikur il-Be Smart Online u Child Web Alert. F’ dan il-kuntest, Graziella Castillo rrapreżentat lill-FSWS u ’l Malta f’ bosta konferenzi u laqgħat barra minn pajjiżna marbuta ma’ din il-ħidma li hija kkordinata direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Fonadazzjoni spjegat li f’wieħed mir-rapporti regolari ta’ Castillo dwar il-Be Smart Online, il-Kummissjoni irrimarkat li Malta mhux talli laħqet il-miri stabbiliti imma eċċediet dak li kien mistenni li jsir f’ termini ta’ servizz u għajnuna.

Castillo kienet ukoll strumentali fl-introduzzjoni ta’ servizz ġdid għal żgħażagħ għaddejjin minn diffikultajiet. Dan is-servizz magħruf bħala l-Adolescent Day Programme (ADP) tant kien suċċess li saħansitra ġie rikonoxxut u akkreditat mill-awtorijiet edukattivi u anki biex immexxi lokalment l-Achieve Programme taħt l-awspiċi tal-Prince’s Trust Foundation.

L-FSWS qalet li Direttur l-ġdid tal-Aġenzija Appoġġ temmen li r-rwol tagħha jinkludi wkoll li tgħin lill-professjonisti tal-Aġenzija jikbru fir-rwol tagħhom permezz ta’ taħriġ kontinwu biex b’ hekk dejjem jitjieb il-livell tas-servizzi mogħtija, ewelieni fosthom li tkun leħen għal dawk fil-bżonn.