Gravi wara li ġie ferut b’arma f’Paceville

Bulgaru ta’ 30 sena weġġa’ gravi wara li matul il-lejl li għadda f’Paceville, x’aktar ġie ferut b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bil-każ mit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li rċeviet talba għall-għajnuna medika f’lukanda fi Triq il-Kbira f’San Ġiljan.
Hemmhekk il-pulizija u t-tim mediku sabu liż-żagħżugħ bi ġrieħi f’għonqu.
Qed ikun allegat li ż-żagħżugħ ġie aggredit barra stabbiliment tad-divertiment fi Triq Wilġa, f’Paceville, u minn hemm mexa għal-lukanda fejn qed joqgħod.
Iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifkat li ġarrab ġrieħi gravi iżda mhux f’qagħda kritika.
Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, għadha għaddejja bl-investigazzjonijet biex tistabbilixxi x’wassal għall-inċident.