Ġrajjet il-Fidwa fil-Milied 2020

Ġrajjet il-Fidwa

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-organzzaturi tal-Wirja Ġrajjet il-Fidwa li qed jippreżentaw   wirja għaż-żmien tal-festi tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu u li ġġib l-isem ta’ Ġrajjet il-Fidwa fil-Milied 2020, Milied b’ differenza minħabba ċ-ċirkustanzi li għaddejin minnhom bħalissa.

L-isem Ġrajjet il-Fidwa huwa sinonomu mal-festi tal-Ġimgha Mqaddsa, fejn kif bosta dilettanti  jafu, il-Wirja Ġrajjet il-Fidwa ilha titellà għall-iktar minn ghoxrin sena. Din is-sena għall-ewwel darba qed tiġi mtellgħa wirja fi żmien il-Milied, liema wirja ser tkun tifkira tal-festi tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Sabiex infakkru dan, din il-wirja ngħatat tema li hija “L-iben ta’ Alla sar bniedem”.

Kienet ilha x-xewqa tal-istess organizzaturi li jtellgħu wirja f’ dan iż-żmien, u grazzi għall-Kunsill Lokali tal-Fgura din ix-xewqa qed issir realta, anke minkejja ċ-ċirkustanzi li għadejjin minnhom bħalissa, u dan wara d-disfatta li kellna fi żmien il-Ġimgha Mqaddsa fejn konna ser itellgħu żewg wirjiet, fosthom waħda fl-istess post li qed taraw din l-istess wirja.

F’dan iż-żmien isiru bosta wirjiet mxerrda ma’ diversi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex. Din il-wirja hija differenti minn wirjiet oħra mtellgħa. ‘Il bicca ‘ l kbira tal-wirjiet jikkonsistu fi presepji kbar u statiċi kif ukoll mekkanizzati, li uħud minnhom ikunu qed  jikkompetu f’ kompetizzjoni Nazzjonali.

Din il-wirja tikkonsisti minn bosta statwetti u bambini kif ukoll xi presepji żgħar. Waħda mill-attrazjonijiet f’din il-wirja hija parti minn kollezzjoni ta’ santi, ‘il biċċa ‘l kbira tagħhom antiki, li t-tema tagħhom hija dik tan-Nattivita jew kif tradizzjonalment nafuha bħalha t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Apparti minhekk għadd ta’ santi oħra juruna temi li huma konnessi ma’ dan iż-żmien qaddis bħalma huma t-Tħabbira tal-Mulej u oħrajn mill-misteri tal-Ferħ tar-Rużarju Mqaddes kif ukoll temi oħra bħalma huma l-Familja Mqaddsa u Marija Omm Alla, liema festi jiċu ċċelebrati fiż-żmien tal-Milied. Tajjeb wieħed jgħid li  l-eqdem santa esebita tmur lura lejn is-sena 1903. L-organizzaturi għażlu li jaqsmuhom magħkom permezz ta’ din il-wirja sabiex dawn jiġu apprezzati u ma jibqgħux merfugħin sempliċiment ġo kaxxa. Esebit ukoll wieħed jistà jara  bambin żgħir li nġabar  minn qalb it-tifrik tat-tieni gwerra dinjija.

Sabiex ma jintilifx il-preġju tiegħu, ġie deċiż li dan jibqà kif inhu l-ħsara li għandu ma tissewix. Bambin ieħor li joħloq ċerta nteress huwa maħdum mix-xemgħa u li jmur lura għal madwar mitt sena. Qed tiġi esebita ukoll minjatura tal-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin li ssir nhar lejlet il-Milied u li tkun organizzata mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Din il-purċissjoni bdiet titellà propju 99 sena. Din il-minjatura tikkonsisti minn bosta figuri maħduma mit-tafal tradizzjonali Malti xogħol ta’ Pawlu Muscat. Fost il-figuri li fiha din il-minajtura hemm tfal, daqqaqa, reffiegħa tal-fanali u l-bambin flimkien ma’ San Ġorġ Preca innisfu li kien hu li bedà din il-purċissjoni.

Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar nhar l-1 ta’ Diċembru. Inħeġġukom sabiex tapprezzaw ix-xogħol li sar sabiex din tistà titellà. Nittamaw ukoll li permezz ta’ din il-wirja ntellgħu xi ftit il-moral f’ dan iż-żmien iebes li ninsabu għadejjin minnhu.

Din il-wirja qed titellà ġewwa ċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura. Dan jinsab fi triq Hompesch u ser tibqà miftuħa sal-aħħar tas-sena. Matul il-ġimgħa tiftaħ mit-8.00am sal-4.00pm u s-Sibtijiet mit-8.00am sal-11.00am. Għal iktar informazzjoni wieħed jistà jżur il-profil tal-istess wirja fuq facebook li jġib l-isem ta’ Ġrajjet il-Fidwa

L-organizzaturi jieħdu din l-opportunita sabiex jirringrazzjaw lis-Sindku, Kunsilliera kif ukoll l-istaff  tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li mhux biss qed joffru l-post imma talli wrew magħhom koperazzjoni kbira f’ dawn l-aħħar jiem sabiex il-wirja tkun tistà ssir kif ukoll iwasslu l-festi t-tajba lil kulħadd.