Graffitti tappella għall-policy dwar il-pompi tal-petrol; thedded b'”azzjoni diretta”

Il-Moviment Graffitti qalet li hi lesta tieħu iżjed azzjoni diretta kontra l-imġiba “skandaluża” tal-Awtorità tal-Ippjanar jekk ma tiġix ippubblikata immedjatament Fuel Service Station Policy riveduta, li tipprojbixxi l-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol f’art ODZ.

Fi stqarrija, l-NGO saħqet li hi għamlet minn kollox biex iġġiegħel lill-PA tirrevedi l-policy “dannuża”, imma dan kien għalxejn, u għalhekk, m’għandhomx għażla ħlief li jirrikorru għal iżjed azzjonijiet diretti.

Sena u erba’ xhur ilu, l-awtoritajiet ammettew għall-impatt negattiv ta’ din il-policy fuq l-art agrikola u naturali. Għaldaqstant, għall-NGO, hija “redikola” li l-Awtorità tal-Ippjanar għadha ma rreviditx din il-policy.

L-NGO kompliet tgħid li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ippubblikat ir-reviżjoni tagħha f’April tas-sena l-oħra, u ddikjarat li l-ebda pompa tal-petrol ġdida jew rilokata m’għandha tkun permessa f’siti ODZ. Madankollu, ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-PA li hija l-awtorità responsabbli għall-pubblikazzjoni tal-policy riveduta. F’Novembru li għadda, il-President Eżekuttiv tal-PA, Johann Buttigieg, iddikjara li r-reviżjoni kienet lesta u li din kellha tiġi ppubblikata b’mod imminenti, iżda 5 xhur wara, din il-policy għadha ma ġietx ippubblikata.

Skont Moviment Graffitti, hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol fl-ODZ, b’erbgħa li ġew aċċettati diġà u l-oħrajn li għadhom qed jiġu pproċessati.

Press Statement: We're ready for more direct actions if PA fails to change fuel stations policyMoviment Graffitti is…

Posted by Moviment Graffitti on Monday, March 25, 2019