Graffitti jwiegħdu ‘ġlieda feroċi’ kontra l-flyover tal-Imrieħel

Il-Moviment Graffitti għal darb’oħra insista li l-bdiewa li jiġu affettwati minn flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel tħallew fil-għama dwar dan il-proġett, hekk kif il-Ministru għall-Infrastuttura Ian Borg insista li minn ikkritika l-proġett missu informa ruħu qabel.

Is-Sibt li għadda, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret flimkien ma’ bdiewa u residenti tal-inħawi, l-għaqda ħabbret li l-proġett se jwassal għat-telfa ta’ aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum u nsistiet li l-pjanijiet kienu qed jitfasslu fil-moħbi.

Il-proġett ġie kkritikat mill-eks President Marie-Louise Coleiro Preca u mill-eks Prim Ministru Alfred Sant, kif ukoll mis-sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento.

Però fuq mistoqsijiet tat-Times of Malta, Borg insista li l-kritiċi ma rawx il-proġett u ma informawx ruħhom qabel parlaw dwaru. Insista wkoll li l-bdiewa tal-lokal ġew ikkonsultati, u li peress li ġej minn familja ta’ bdiewa, kien se jkun l-aħħar persuna li se jfittex li jweġġagħhom.

B’risposta għal dawn il-kummenti, però, Graffitti insistew li Infrastructure Malta naqset milli tinforma kull min se jintlaqat mill-proġett dwar l-intenzjonijiet tagħħa.

“Kulma għamlu hu li taw karta lil xi bdiewa fiż-żona (mhux kollha) dwar l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu żvilupp fuq arthom. Dan sar minħabba formalità tal-proċess tal-ippjanar (li IM għoġobhom jaqbżu f’Burmarrad u Ħad Dingli wkoll) u li suppost ikun l-aħħar pass fi proġett ta’ dan it-tip, preċedut minn konsultazzjonijiet xierqa,” qalet Graffitti.

Din in-notifika, però kienet vaga ħafna, bl-IM tikteb biss li riedet tagħmel “aġġornament u manutenzjoni tal-bypass.” Graffitti żiedu li l-Kunsill ta’ Ħal Qormi wkoll ma ġiex ikkonsultat.

L-għaqda żiedet li l-oppożizzjoni għal dan il-proġett mhux limitata għall-midja soċjali kif prova jimplika Borg, u li għandu jistenna “ġlieda feroċi mingħand bdiewa, residenti u attivisti li xebgħu bil-gideb u l-ħabi tal-aġenzija tat-toroq tiegħu u (Frederick) Azzopardi.

Qalet ukoll li l-karta tas-simpatija li lagħab Borg meta qal li ġej minn familja ta’ bdiewa kienet biss prova oħra tal-ipokrezija tiegħu.

“Borg forsi għandu jikkunsidra jittratta lill-bdiewa u lill-familji tagħhom bl-istess mod li jittratta lil familtu, sakemm mhux anke familtu tqum filgħodu u ssib il-ħaddiema ta’ Frederick Azzopardi f’arthom ikejlu minn fejn se tgħaddi xi triq kif ġara f’Burmarrad, u f’Ħad Dingli li tant iħobb,” ikkonkludiet l-għaqda.G