Graffiti Mellieħa: “Naħseb ħadmet”

Ilbieraħ il-fotagrafu Daniel Cilia tella’ ritratt fuq Facebook li juri s-sit tal-kostruzzjoni ta’ appartamenti biswit il-bypass tal-Mellieħa.
Fuq ir-ritratt hemm miktub “Triq meħuda mingħand il-poplu għall-gwadann tal-iżviluppatur”.     
Ma’ Newsbook.com.mt Cilia ammetta li l-graffiti tar-ritratt ġie miżjud b’mod diġitali. Però qal li l-effett xorta ħadem u spjega li ġie mxerred malajr ħafna fuq il-midja soċjali. Qal li tella’ dak ir-ritratt biex iqajjem kuxjenza dwar kif triq pubblika saret triq privata biex żviluppatur ikun jista’ jibni appartamenti akbar u biex ma jużax l-art tiegħu stess għat-triq privata.
Cilia qal li għalkemm il-messaġġ kien wieħed virtwali, xorta qed jgħid il-verità.
Il-proġett tal-bypass tal-Mellieħa ġie spjegat lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’laqgħa li saret fil-Ministeru għat-Trasport flimkien mal-Ministru Ian Borg u uffiċjali minn Transport Malta.
Din il-bypass, bl-isem tat-triq huwa Triq Louis Wettinger, kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li l-pjani oriġinali kienu juru li din se tispiċċa b’karreġġjata waħda flok tnejn kull naħa.
Ritratt: Daniel Cilia