Graffiti favur l-abort ma’ knejjes fi Spanja

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu u l-Knisja ta’ San Cristobal f’Madrid sfaw fil-mira ta’ graffiti favur l-abort li nkitbu mal-faċċati ta’ dawn il-knejjes. L-Arċidjoċesi ta’ Madrid ikkundannat dan “l-attakk fuq il-wirt tal-Insara”.
Fi stqarrija, l-Knisja Madrilena esprimiet id-dispjaċir tagħha u kkundannat bil-qawwa kollha dawn l-atti maħsuba biex iħarbtu l-koeżjoni soċjali fil-pajjiż u qalet li l-ugwaljanza tinkiseb bir-rispett għan-nies kollha u t-twemmin tagħhom.
Uħud mill-graffiti fuq il-faċċati taż-żewġ knejjes kienu jgħidu: Abort Iva; Abort b’Xejn u Neħħu l-kuruni mill-ovarji tagħna.
Il-Kardinal Carlos Osoro ta’ Madrid kien esprima l-appoġġ tiegħu għal “strajk femminista” li kien organizzat fi Spanja fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, u qal li jifhem x’kien hemm wara din l-azzjoni u qal li l-Madonna kienet qed tagħtihom l-appoġġ tagħha għax tissimbolizza “l-akbar espressjoni tad-dinjità tal-mara”.
Qabel din il-protesta, Isqof Spanjol uża l-programm tar-radju tiegħu biex akkuża lil grupp ta’ nisa radikali li huma influwenzati mix-xitan. L-Isqof Jose Ignacio Munilla ta’ San Sebastian qal fuq Radju Maria li d-deċiżjoni biex jistrajkjaw ittieħdet minn grupp ta’ nies li jippromwovi l-“ideoloġija tal-ġeneru”.
Skont l-Isqof Munilla, il-moviment femminista hu maqsum fi tnejn. Dawk li jemmnu f’femminiżmu awtentiku u dawk li jridu femminiżmu distruttiv immanipulat mill-ideoloġija tal-ġeneru. 
Hu qal li għalih, il-femminiżmu aċċettabli kien dak li jaċċetta d-differenza u l-kumplimentarjetà filwaqt li dak mhux aċċettabbli hu femminiżmu egalitarju li jsostni li r-raġel u l-mara huma l-istess u li d-differenzi bejnitehom huma biss soċjoloġiċi.
L-Isqof ta’ San Sebastian żied jgħid li l-ideoloġija tal-ġeneru hi influwenzata mix-xitan u dawk in-nies li jieħdu din it-triq ikunu qed jikkommettu “harakiri” u jagħmlu lin-nisa l-vittmi ewlenin. Din it-tendenza wasslet lill-moviment femminista biex jiddefendi l-ġlieda favur l-abort legali u b ‘xejn.
Fi Spanja, l-abort hu legali sal-14-il ġimgħa tat-tqala.