Gradwazzjoni: Is-sitwazzjoni għadha qed tiżviluppa – L-Università

Read in English.

Kelliema għall-Università ta’ Malta qalet li l-Università se toħroġ informazzjoni fuq il-gradwazzjonijiet fiż-żmien xieraq, minħabba l-inċertezza dwar dawn ikkawżata mill-pandemija tal-coronavirus.

F’Lulju, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred Vella ħabbar li ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni tal-2020 se jitħassru minħabba l-imxija tal-Covid-19. Id-dati l-ġodda taċ-ċerimonji kellhom ikunu bejn it-22 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu. Dan qajjem reazzjoni kbira mill-pubbliku, partikolarment mill-istudenti li qalu li ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni.

Wara l-ilmenti ta’ bosta studenti u għaqdiet, ittieħdet id-deċiżjoni li l-gradwazzjoni din is-sena xorta ssir f’Novembru u f’Diċembru minkejja l-pandemija tal-coronavirus. Ir-Rettur bagħat jinforma lill-istudenti li l-Università se ssib mezz kif taffaċċja l-isfidi tal-virus.

Madankollu, dan kien fil-bidu ta’ Lulju, qabel ma l-każijiet tal-coronavirus fil-pajjiż żdiedu drastikament. Għalhekk Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Università dwar il-pjanijiet kurrenti għall-gradwazzjonijiet, u t-tweġiba kienet li s-sitwazzjoni għadha qed tiżviluppa, u għalhekk, l-istudenti se jiġu infurmati dwar l-iżviluppi l-ġodda fiż-żmien xieraq.

Xi studenti lmentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar l-inċertezza li jinsabu fiha rigward il-gradwazzjoni. Normalment dan ikun iż-żmien meta jkunu qed jordnaw it-toga u jibdew bil-preparamenti għas-serata tal-gradwazzjoni, iżda l-pandemija qalbet kollox ta’ taħt fuq. Apparti mill-fatt li ma jafux x’se jiġri, l-istudenti huma diżappuntati li ma rċivew l-ebda aġġornamenti min-naħa tal-Università dwar x’inhi tippjana li tagħmel. Filwaqt li jifhmu li dan jaf għadu stadju bikri minħabba l-pandemija, l-istudenti xtaqu ftit aktar gwida min-naħa tal-Università.

U fil-każ tal-lekċers?

Lil hinn mill-gradwazzjoni, l-Università ħarġet bi pjan dwar il-lekċers sabiex tibda torganizzahom kemm online, kif ukoll fis-swali tal-Università f’Tal-Qroqq, mis-sena akkademika li ġejja.

Il-pjan hu li fil-każ ta’ klassijiet kbar, l-istudenti se jinqasmu fi gruppi żgħar, fejn grupp ikun fil-klassi u grupp ieħor isegwi l-lekċer online. Il-gruppi jbiddlu kull ġimgħa, biex l-istudenti kollha jattendu l-istess numru ta’ lekċers online u fil-klassi. Il-grupp ta’ ġol-klassi jkun jista’ jiltaqa’ ma’ sħabu u mal-lekċerers u jipparteċipa fit-tagħlim waqt li jevita l-ġemgħat.

Jekk il-lekċers ikomplu minn Ottubru, se jkun hemm linji gwida ta’ sigurtà bħall-ilbies ta’ maskri u tbegħid bejn in-nies.

Avolja hemm pjan biex it-tagħlim ikompli minn Ottubru, l-għaqdiet studenteski qegħdin imexxu l-operat tagħhom online u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom b’mod virtwali. Il-Freshers’ Week organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) f’Ottubru, li sservi ta’ laqgħa għall-bidu tas-sena akkademika għall-istudenti, din is-sena tħassret.