Read in English.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar nhar it-Tlieta mistennija tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex.
L-applikazzjoni tinkludi kemm ir-rotta fuq l-art kif ukoll dik tal-baħar.
It-tieni fibre optic cable mistenni jibda mix-Xewkija jibqa’ sejjer għall-Fessej u jispunta f’Golden Bay biex imbagħad jibqa’ sejjer sal-Imġarr.
L-applikazzjoni tinkludi l-bini ta’ kamra fiż-żona industrijali tax-Xewkija fuq it-tappiera tal-cable nnifsu b’kamra oħra fiż-Żebbiegħ. Għal tal-aħħar se tkun qed titwaqqa’ l-latrina eżistenti u minflok tibena kamra għall-cable latrina ġdida u xelter tal-linja.
Skont ir-rapport imħejji, ir-rotta kif inhi proposta se tgħaddi minn diversi żoni marittimi u terrestri li huma protetti kif ukoll minn siti arkeologiċi.
Iżda kemm l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll is-Sopraintendenza tal-Wirt Kulturali laqgħu r-rotta kif qed tiġi proposta. Is-Sopraintendenza tal-Wirt Kulturali qal li l-binja fiż-Żebbiegħ qed tiġi proposta fuq sit ġa milqut.