Il-Gozo Channel jista’ jkun sospiż wara azzjonijiet industrijali

It-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex se jkun sospiż wara azzjonijiet industrijali ordnati mill-UĦM, hekk kif l-unjin ordnat li minn għada t-Tnejn 17 ta’ Settembru, il-baħrin tal-Gozo Channel m’għandhomx jorbtu l-vapuri mal-moll.

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li qed tintroduċi direttivi lill-ħaddiema tal-kuntrattur abbord il-vapuri tal-Gozo Channel, biex tgħin lill-ħaddiema tal-kuntrattur li spiċċaw imorru kuljum għax-xogħol delużi u b’qalbhom maqtugħa li xi darba ssir ġustizzja magħhom.

Hi qalet li l-każ kellu jiġi eskalat sa quddiem id-Direttur tax-Xogħol permezz ta’ tilwima industrijali, b’laqgħa uffiċjali li saret nhar it-Tlieta 4 ta’ Settembru.  Sfortunatament, minn dakinhar sal-lum ma nħarġet l-ebda risposta u konklużjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjegati.

Dawn l-impjegati jaħdmu fil-gradi ta’ cabin attendants u baħrin. Magħhom u eżatt bħalhom, hemm ukoll impjegati tal-Gozo Channel li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol ferm differenti. Il-UĦM Voice of the Workers ħadet azzjoni.

Għalhekk il-UĦM ordnat direttivi sabiex il-cabin attendants ma jnaddfux il-kmamar tat-toilets abbord filwaqt li l-baħrin ma jorbtux il-vapuri mal-moll u ma jinżlux fil-garaxxijiet.

L-UĦM qalet li –unjin se tibqa’ għaddejja bid-direttivi sakemm is-sitwazzjoni tissolva u l-membri jingħataw dak li ilhom jissieltu għalih – biex min jagħmel l-istess xogħol jingħata l-istess kundizzjonijiet.