​Gowl ta’ Pellè jagħti rebħa mqanżħa lit-Taljani

Quddiem attendenza ta’ 16,942 spettatur fl-Istejdjum Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-Italja ħarġet rebbieħa imma mhux daqstant sodisfatta.
Wara biss kwarta l-Maltin kienu perikolużi, permezz ta’ frikik mogħti minn Clayton Failla f’tarf il-kaxxa, il-ballun għadda mal-lasta xellugija ta’ Buffon.
Ftit tal-ħin wara, minn korner mogħti minn Manuel Pasqual, Pellè ra l-ballun li għadda mal-lasta.
Fit-23 minuta reġa kien Pasqual minn korner, il-gowlkiper Malti salva x-xutt mill-viċin ta’ Leonardo Bonucci, iżda Graziano Pellè li kellu d-debutt uffiċjali mat-tim nazzjonali Taljan, kien ħafif biżżejjed biex skurja l-uniku gowl fil-partita.
Wara nofs siegħa logħob, tkeċċa Michael Mifsud għal fawl f’nofs il-grawnd fuq Alessandro Florenzi.
Minkejja li l-Maltin lagħbu siegħa sħiħa bi plejer anqas, it-Taljani tħabtu mhux ftit matul it-tieni taqsima.
Fit-73 minuta, it-Taljani spiċċaw ukoll bi plejer anqas meta tkeċċa Bonucci għal fawl professjonali fuq Andrè Schembri.
Fl-74 minuta, il-Maltin kellhom frikik mogħti għal darb’oħra minn Failla, bil-ballun li laqat id Marchisio fil-kaxxa, iżda l-penalti ma ngħatax.
Fl-aħħar għaxar minuti s-sostitut Taljan Sebastian Giovinco, l-ewwel ra l-ballun mitfugħ f’korner minn Hogg u f’azzjoni ta’ kontrattakk għeleb lil Hogg, b’dan tal-aħħar megħjun mil-lasta.