Governanza tajba. X’differenza tagħmilli?

Miguela Xuereb

“Governanza tajba”. Frażi li ilna ħafna nisimgħu biha. Madanakollu mhux bilfors li kulħadd jagħtiha l-istess tifsira jew saħansitra jħoss li hi relevanti għalih. Iżda x’nifhmu biha ‘governanza tajba’? Kemm taffettwana fil-ħajja ta’ kuljum? U kemm taffettwa l-ħajja u l-benesseri (wellbeing) tas-soċjetà?

Meta ngħidu ‘governanza’ mhux neċessarjament nirreferu għall-partit fil-gvern li għandu r-responsabbiltà li jiggverna b’mod tajjeb, iżda hu terminu li jiġbor fih lil kull entità fejn hemm sistema li jittieħdu d-deċiżjonijiet, u proċess biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati. Għalhekk huma diversi l-organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet, entitajiet reliġjużi u anke s-soċjetà ċivili fejn jaħdmu biex ikollna soċjetà mmexxija b’governanza tajba. Il-parteċipazzjoni attiva, it-trasparenza, il-kontabiltà, is-saltna tad-dritt, l-ekwità u l-inklussività, governanza effettiva u effikaċi, istituzzjonijiet li jaħdmu, u ħidma għall-għan wieħed isawru governanza t-tajba.

Pajjiżna dejjem kien iddominat minn partiti li warajhom iġorru lealtà ta’ numru kbir ta’ nies li f’kull elezzjoni din il-lealtà tissarraf f’voti ta’ fiduċja. Madanakollu l-istess lealtà trid tintwera minn dik il-persuna li solennament taħlef li tkun tassew fidila u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. U din il-lealtà trid tiġi reċiprokataf’ħidma bla waqfien fejn il-ġid komuni verament ikun komuni u jgawdi minnu kulħadd. Waqt li kulħadd hu fid-dmir li jikkontribwixxi biex is-soċjetà timxi ‘l quddiem, hu fid-dritt ta’ kulħadd li jiġi milħuq b’mod ġust minn dak li qed jiġi kkontribut. Iċ-ċittadini qed jagħtu dan il-privileġġ li jkunu fuq siġġu. Irid ikun siġġu ta’ servizz u mhux pedestall; pożizzjoni ta’ għotja u mhux ta’ gwadann; opportunità li taqdi mhux li tkun moqdi.

Taħt l-ewwel ġebla li tqiegħdet fl-uffiċċju tal-Għaqda Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO f’Ġenevra, hemm dokument li fih hemm miktub: Si vis pacem, cole justitiam. Din tfisser, “jekk tixtieq il-paċi, ikkultiva l-ġustizzja”. Meta wieħed isemmi paċi mhux biss qed jirreferi għan-nuqqas ta’ gwerer jew fejn m’hemmx armamenti iżda qed jirreferi wkoll għal sens ta’ sigurtà li ċ-ċittadini jgħixu fiha. L-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp) li taħdem biex ikun hemm strutturi u miżuri għall-ħajja aħjar, tisħaq li soċjetà ġusta tgħin twassal biex il-bniedem jgħix iktar sikur. Immaġina kif iħossuhom dawk il-ħaddiema fejn uħud mill-management tal-kumpanija qed jimminaw lill-istess kumpanija. Filwaqt li dan joħloq sens ta’ insikurezza fil-ħaddiema, jgħaddi wkoll il-messaġġ li hu aċċettabbli timxi b’mod inġust, “għax ta’ fuqi hekk jagħmlu.” Din il-mentalità tiġi trażmessa wkoll fis-soċjetà u sfortunatament l-ikbar vittma hu dak l-inqas b’saħħtu. Dawn joħolqu mhux biss diffikultajiet finanzjarji imma wkoll diffikultajiet emozzjonali u soċjali. Altru l-governanza tajba (jew in-nuqqas tagħha) taffettwa lill-individwu u lis-soċjetà inġenerali.

Għax taffettwa lil kull persuna, kulħadd irid jagħti s-sehem tiegħu. Nohini Rilekani, filantropista Indjana kitbet, “Ma nistgħux inkunu konsumaturi biss tal-governanza t-tajba. Irridu nkunu parteċipi, irridu nkunu ko-kreaturi.” Mhix biss responsabbiltà ta’ dawk li qegħdin fl-amministrattiv, fl-eżekuttiv, jew fil-ġudikatura. Hi responsabbiltà ta’ kull ċittadin li jagħmel parti minn din is-soċjetà. Nibdew mill-familji tagħna, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol, f’postijiet ta’ divertiment. Irridu ninkoraġġixxu ambjent fejn inħossuna li nistgħu ngħixu flimkien f’serenità u fil-paċi. Irridu naħdmu biex ikollna pajjiż fejn il-ġustizzja soċjali tkun it-tmun ta’ dawk li jmexxu. Mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana fejn l-interessi tal-persuna jiġu qabel tal-pajjiż iżda hi politika tan-nies fejn iċ-ċentru hu l-interess tal-bniedem ħolisiku. Irridu naħdmu biex it-tfal tagħna jitilgħu f’soċjetà fejn ma tfittixx l-interessi partikulari b’konsegwenza li l-egoiżmu u individwaliżmu jsiru r-regola tal-ħajja. Iżda naħdmu biex ikun hawn ambjent edukattiv li jibda fil-familji fejn inkunu kapaċi naħsbu f’ħaddieħor u nkunu kuntenti b’dak li għandna.

Allaħares dan ikun biss diskors tan-narrativa iżda ma jiġix irrealizzat. Għad-deċiżjonijiet li nieħdu, dejjem hemm konsegwenzi. Nistinkaw biex b’dak li nagħmlu mhux biss iħallu konsegwenzi pożittivi fuqna imma jkunu fit-tul fejn uliedna u wlied uliedna jgawdu minnhom.