Ġorġi tagħna reġa’ magħna

Photo credit: stgeorge.com.mt

Is-sajf reġa’ jinsab magħna
U miegħu tant festi sbieħ
Illi niesna dlonk tistenna
Għaliex dawn tgħożżhom qatigħ!

Ngħid għalija jiena nħobbhom
Ma nitlifx żgur waħda minnhom
Mill-bidu sat-tmiem jogħġobni
Dak kollu li nara fihom.

Prominenza jiena nagħti
Tal-Knisja l-funzjonijiet
Illi jduru mal-istatwa
Li ma tħalliniex bi kwiet

U quddiemha erħilna nċapċpu
U nkantawlha bla waqfien –
Din għalina tiġi l-ewwel
W hekk se tibqa’ tul iż-żmien.

In-noti tal-qniepen ħelwa
Illi jdoqqu bla mistrieħ
Iferrħuni, jallegrawni,
Tismagħhom mal-erba’ rjieħ.

It-tiżjin fit-toroq tagħna
Ukoll joħloq spirtu kbir;
Atmosfera mhix komuni
U bih qalbna trid ittir.

U xi ngħidu mbagħad għall-baned
Illi jkaxkru lil tant nies
Biex jisimgħu dawk il-marċi
B’ħlewwa w benna ta’ bla qies!

Żgur li l-festa tkun nieqsa
‘K ma jkollhiex xi ftit sparar,
Qisek ħawwart borma prima
U ħallejtha mingħajr bżar!

Dawna l-ingredjenti kollha
Żgur li ssibhom fil-Belt tagħna
Għaliex tul ix-xahar ta’ Lulju
Arah jasal Ġorġi magħna!

Minn kull naħa n-nies tisfronda
U timla lit-Tempju tiegħu
Titolbu b’ħeġġa mill-akbar
Ilkoll hienja mdawra miegħu.

Din il-Knisja hekk tal-għaġeb
Għandha seħer fuq kulħadd
Għaddew fuqha għadd ta’ sekli –
Għadha hemm, ma tħarrket qatt!

Hemm se tibqa’ u lil Ġorġi
Tkanta innu ta’ tifħir
U quddiemu lkoll jinxteħtu
L-għani, ż-żgħir, il-kbir, il-fqir.

Ta’ kull sena ma’ nofs Lulju
Jingħaqdu dlonk mal-Għawdxin
Ferħan kollu l-poplu Malti,
U ma’ dawn salt barranin.

U kif jista’ jkun mod ieħor
La San Ġorġ hu ta’ kulħadd
U li żgur qatt ma nstema’
Li qatt nesa lil xi ħadd.

O Tribun qawwi, setgħani
Meta l-Ħadd toħroġ iddur
Fost il-ferħ u l-għors tal-folla
Waqt li qalbna bil-ferħ tfur

Itfa’ ħarstek fuq dal-poplu
Illi bik jagħmel ir-riħ
Int fuq fommu l-ħin kollu
Għax iħobbok wisq, qatigħ!

Qabel nagħlaq xtaqt nitolbok
O Patrun tal-gżira tagħna
Biebna beraħ se nberrħulek
Sabiex tgħix għal dejjem magħna.

Eħlisna minn din l-imxija
Illi nikktet lil kulħadd
Mill-ġdid oħloq it-tbissima
U barra la tħalli ‘l ħadd!

Meta mbagħad in-numru jagħlaq
Tafdaniex minn taħt għajnejk
Iżda aqbadna minn idejna
Biex fil-ġenna niġu ħdejk!

Kav Joe M Attard
Rabat – Għawdex
Lulju 2020