Ġorġ l-għannej tal-Mulej jagħlaq 92 sena

Illum, it-28 ta’ Lulju, jiċċelebra t-92 sena tiegħu l-personaġġ maħbub Malti, Ġorġ Agius, magħruf aktar bħala Ġorġ l-għannej tal-Mulej.

“Jew tikber jew tiċkien, skont kif tuża l-ilsien,” jgħid Ġorġ tal-Mużew f’waħda mit-taqbiliet tiegħu.

Huwa kiber żgur, u mhux ċkien, bir-rieda tajba li biha juża kliemu. Ġorġ seraq qalb il-poplu Malti hu u jterraq l-kurituri tal-Isptar Mater Dei jfarraġ lill-pazjenti bit-taqbil spirtupront tiegħu għal 65 sena sħaħ.

It-taqbiliet ta’ Ġorġ ivarjaw, għax ġieli jagħti xi pariri, u drabi oħra, jgħanni fuq kwistjonijiet kurrenti, pereżempju fuq it-Tazza tad-Dinja. 

Ġorġ tal-Mużew, laqam ieħor tiegħu, qatt ma mar skola għaliex ta’ 10 snin, missieru beda jaħdem it-Tarzna, u għalhekk hu, l-ikbar fost 9 aħwa subien, spiċċa jbigħ il-ħaxix. Aktar tard f’ħajtu, beda jaħdem ix-xatt.

Fost ir-rikonoxximenti tiegħu, huwa kiseb il-Premju għall-Qadi tar-Repubblika.

Is-sena l-oħra, saret ukoll taħdita ta’ natura lingwistika dwar it-taqbiliet tiegħu, bħala parti mis-serje tat-Tradizzjoni Orali, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, li tista’ taraha hawn.