GoPro titlef kwart tal-valur

GoPro, il-kumpanija li tipproduċi kameras li jintlibsu, tilfet kwart tal-valur tagħha matul din il-ġimgħa.
Dan wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-bejgħ fi żmien il-Milied, li kienu diżappuntanti u ’l bogħod mill-miri tal-kumpanija.
Fl-istess jiem, GoPro ħabbret pjan ta’ tnaqqis ta’ ħaddiema. 
Il-kumpanija kienet qed tistenna bejgħ ta’ aktar minn nofs biljun dollaru (€460 miljun), iżda filfatt marret kważi $80 miljun (€74 miljun) bogħod minn din il-mira.
Dan jirrapreżenta wkoll tnaqqis qawwi ta’ kważi 30% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Din l-aħbar waslet biex il-valur tal-ishma ta’ GoPro kkrolla b’aktar minn 27% u niżel f’minimu storiku ta’ $11 (€10).
Jidher li l-prodott tant reklamat minn GoPro, il-Hero 4 Session, ma ntalaqx daqstant tajjeb mill-konsumaturi, tant li f’inqas minn sitt xhur, il-kumpanija kellha twaqqa’ l-prezz rakkomandat tal-bejgħ bin-nofs, minn madwar €367 għal €186.
Daqqa ta’ ħarta kbira għall-kumpanija rriżultat ukoll mit-tqegħid fis-suq ta’ diversi imitazzjonijiet manifatturati fiċ-Ċina bi prezz ferm aktar baxx.
Fl-isforz tagħha li tkun innovattiva, it-taqsima tar-riċerka u żvilupp ta’ GoPro qed tippjana li toħroġ fil-futur qrib bi prodott ta’ fotografija mill-ajru permezz ta’ camera drone.
Ir-roħs fil-prezz taż-żejt: aħbar ħażina għall-Iskoċċiżi
Ir-roħs fenomenali fil-prezz internazzjonali taż-żejt qed ifisser benefiċċji f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja, b’roħs fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels. Iżda għall-Iskozja l-istorja hi differenti, hekk kif parti importanti mill-ekonomija tagħha tiddependi fuq il-produzzjoni taż-żejt.
L-aħħar statistika dwar it-tkabbir ekonomiku wriet kif l-ekonomija Skoċċiża qed taqa’ lura fil-konfront tal-bqija tar-Renju Unit, bi tkabbir ta’ mhux aktar minn kwart tal-medja totali.
Dan jista’ jħalli effett elettorali hekk kif il-Partit Nazzjonali Skoċċiż, li s-sena li għaddiet ikkampanja favur l-Indipendenza, qed jitlef wieħed mill-argumenti prinċipali tiegħu: dak li grazzi għall-bjar taż-żejt disponibbli fl-ibħra Skoċċiżi, dan in-nazzjon kapaċi jfendi għal rasu.
BP u kumpaniji internazzjonali oħra ħabbru li mijiet ta’ impjiegi se jintilfu fuq l-operazzjonijiet tagħhom fil-Baħar tat-Tramuntana, hekk kif il-prezz taż-żejt reġa’ niżel bi 19% fil-valur tiegħu fl-aħħar xahar biss.
Dan ma jawgurax tajjeb għall-ekonomija Skoċċiża, b’bosta bliet, fuq quddiemnett Aberdeen, igawdu mill-operazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji fl-ibħra tal-madwar għal diversi postijiet tax-xogħol.
L-awtoritajiet lokali qed jippruvaw jixprunaw l-ekonomija b’għadd ta’ proġetti infrastrutturali, fosthom pont ġdid fuq il-Firth of Forth. Madankollu, indikaturi ekonomiċi juru li l-manifattura tinsab f’deklin u s-servizzi kibru bi żbrixx. F’dan id-dawl, bosta analisti ekonomiċi qed isostnu li l-Iskozja għandha tibda minn issa taħseb kif se tiddeversifika l-ekonomija tagħha, għax wara t-tlestija ta’ dawn il-proġetti infrastrutturali kbar, l-impatt fuq l-ekonomija u l-impjiegi jista’ jkun ta’ tħassib kbir.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment