Google tista’ tiskoprilek meta se tmut

Google, li dejjem tara x’ser tivvinta ġdid, qed taħdem fuq l-iskoperta tad-data tal-mewt ta’ kull persuna.

Le, din mhijiex fantaxjenza imma algoritmu żviluppat mir-riċerkaturi tal-kumpanija ta’ Mountain View, li jekk jirnexxielhom, se jkunu jistgħu jbassru kemm baqagħlna jiem fuq din id-dinja, bi preċiżjoni ta’ kważi 95%.

Google qed tuża l-intelliġenza artifiċjali biex tanalizza ammont kbir ta’ informazzjoni ta’ aktar minn 216,000 pazjent adulti li kienu rikoverati l-isptar għal minn tal-inqas 24 siegħa.

L-istudju, li ġie ppubblikat fuq ir-rivista Nature, kixef li l-algoritmu jista’ jbassar bi preċiżjoni ir-riskju ta’ mortalità, jekk pazjent hux ser jerġa’ jiddaħħal l-isptar għall-kura u jekk iż-żmien tal-kura hux ser jieħu fit-tul.

“Fil-każijiet kollha, il-metodu ta’ riċerka wera li kien aktar preċiż mill-mudelli ta’ riċerki ppubblikati qaebel,” spjegaw l-istudjużi ta’ Google.

Qalu li b’din ir-riċerka, il-kumpanija riedet tifhem jekk studju fil-fond ta’ informazzjoni u dettalji mediċi jistax ibassar firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet kundizzjonijiet mediċi.