Google se jwassal l-internet 4G bil-bżieżaq fil-Kenja

Il-kumpanija ta’ Google, Loon, se tkun qed tipprovdi aċċess għall-internet fl-iktar partijiet remoti fil-Kenja permezz ta’ 35 bużżieqa kbira li jitrassmettu l-internet 4G. Dawn il-bżieżaq, li fihom apparat apposta li jitrasmetti l-internet 4G, se jipprovdu l-internet biex f’dawk il-partijiet l-iktar remoti fil-Kenja n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi diġitali kollha, fosthom l-imejls u l-midja soċjali.

Dan il-proġett tħabbar sentejn ilu, madanakollu l-Gvern Kenjan għadu kemm ta l-permess tiegħu biex dan il-proġett jintuża fil-pajjiż. B’hekk dan il-proġett se jintuża biex itejjeb il-komunikazzjoni fil-pajjiż waqt il-pandemija tal-COVID.

Is-servizz tal-internet 4G minn dawn il-bżieżaq ġie ttestjat ma’ 35,000 klijent u għal bidu se jkopri reġjun ta’ madwar 50,000km kwadru. Dawn il-35 bużżieqa se jkunu jiġġeneraw u jużaw l-enerġija mix-xemx u se jkunu dejjem iduru fl-istratosfera Afrikana.