Google akkużata b’abbuz ta’ dominanza fuq Android

Il-Kummissjoni Ewropea xliet lil Google li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi għamlet restrizzjonijiet fuq manifatturi tal-apparat Android u operaturi tan-networks tal-mobile.
Hija infurmat lil Google dwar il-fehma tagħha fuq ksur tar-regoli tal-antitrust tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissarju, responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, Margrethe Vestager, qalet li "l-imġieba ta' Google tiċħad l-għażla wiesgħa tal-konsumaturi għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-mowbajl u tostakola l-innovazzjoni minn atturi oħra, bi ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE.”
F’April tal-2015, il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-każ ta’ ksur tar-regoli, li japplikaw  għall-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE.
Fost oħrajn, il-Kummissjoni oġġezzjonat li Google kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE billi rabtet lill-manifatturi sabiex jinstallaw minn qabel Google Search u l-browser Chrome ta’ Google u li qed tikkundizzjona lill-operaturi tan-networks, b’inċentivi finanzjari sabiex jinstallaw Google Search fuq l-apparat tagħhom.
Il-Kummissjoni saħqet li dawn l-affarijiet jagħmlu ħsara lill-konsumaturi peress li mhumiex jingħataw l-iktar għażla wiesgħa possibbli u peress li toħnoq l-innovazzjoni.