Gonzi jikkonferma li se jattendi l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN

Read in English.

L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi kkonferma li se jkun qed jattendi għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN illum.

F’kummenti mat-Times of Malta li aktar tard ikkonfermahom ma’ Newsbook.com.mt, Gonzi qal li ma jappoġġja ebda proposta li jkollha l-għan li tikkastiga lil dawk l-MPs li qajmu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-PN.

L-eks PM qal li huwa favur kull proposta li tista’ ssolvi l-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.

Ikkonferma wkoll ma’ Newsbook.com.mt li se jkun qed jattendi l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN illejla. Bħala eks Kap Nazzjonalista, Gonzi huwa membru permanenti tal-kumitat.

Ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux se jressaq vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fil-membri parlamentari li riedu jibdluh minn Kap tal-Oppożizzjoni.

L-għaqda Repubblika qalet li l-President ilbieraħ deher aktar konċernat b’dak li sejjaħ bħala ‘serenità’ milli dwar l-applikazzjoni tal-liġi.

Repubblika kienet qed tirreaġixxi għad-deċiżjoni tal-President George Vella li ma jneħħix lil Adrian Delia mill-kariga tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.